Sport Sport Ieħor

FILMAT: Senglea se jkunu fost l-isfidanti għar-rebħ tax-Shield ta’ Jum il-Vitorja

Il-klabb tal-Isla hu wieħed mill-klabbs ewlenin fir-Regatta u għaldaqstant l-edizzjoni tal-Ħadd li ġej mhux se tkun eċċezzjoni biex dan il-klabb jipprova jikseb l-unuri. Id-distrett tal-Isla rebaħ ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja għal rekord ta’ 23 darba iżda l-aħħar darba li x-shield marret l-Isla kien fl-2012.

Fl-aħħar snin il-klabb tal-Isla kellu nixfa ta’ suċċessi, iżda f’dawn l-aħħar xhur jidher li kien hemm bidla pożittiva, hekk kif anki irritornat bħala President Charmaine Gerada, l-istess persuna li serviet fil-kariga meta l-Isla ddominat ir-regatta kemm ta’ Marzu kif ukoll ta’ Settembru bejn l-2009 u l-2012.

Ma’ Net Sports, Gerada titkellem dwar l-ambizzjonijiet tal-klabb tagħha fejn qalet li minħabba li huma l-aktar klabb li rebaħ ix-Shield, allura hu ovvju li jmorru biex iġibu l-aħjar unuri. “Dawn l-aħħar seba’ snin ma kinitx daqshekk faċli però bdejna bil-mod il-mod, Marzu li għadda għamilna pass, fl-Under 18 li saret f’Lulju erbaħniha aħna erġajna u issa naraw x’riżultati, ovvjament aħna sejrin hemmhekk biex nippruvaw inġibu l-aħjar riżultat possibbli.”

Fir-Regatta ta’ sena ilu, l-Isla spiċċat fir-raba’ post iżda f’Marzu li għadda huma spiċċaw it-tieni b’34 punt. F’din l-edizzjoni, id-distrett tal-Isla se jieħu sehem fit-tlielaq kollha, fejn jispikka r-ritorn ta’ Gilmour Zammit li se jkun qed jaqdef fil-frejgatina. Bit-tim li għandhom, l-Isla jistgħu jitqiesu fost l-isfidanti għar-rebħ ta’ aktar minn palju wieħed kif ukoll tax-shield.