Lokali Qorti

Sirjan jagħmel frattarija fil-kurituri tal-Qorti wara li ġie mixli li sawwat Libjan

Sirjan ta’ 20 sena kisser il-kwiet tal-Qorti meta għamel frattarija sħiħa fil-kurituri tal-Qorti wara li bl-ebda mod ma ried imur il-ħabs. “Irrid immur is-Sirja, irrid immur pajjiżi” fost l-għajjat li beda jgħajjat flimkien ma kliem ħażin bil-lingwa Maltija li jikkonsisti f’dagħa.

Ibrahim Mohammad kellu jittieħed bil-forza minn Pulizija fil-lock-up hekk kif huwa kien il-ħin kollu mmanettjat. Il-Pulizija ipprovat tagħmel li tista’ biex tikkalmah, anke jekk ma kienitx faċli għalihom iżda finalment Mohammad kellu jċedi, grazzi għax-xogħol siewi minn naħa tal-Pulizija, li kkontrollat is-siotwazzjoni bil-kalma.

Is-Sirjan tressaq mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li nhar l-Erbgħa li għaddew fis-2.15 p.m. f’Ħal Qormi huwa fera ħafif lil Badr Abou Snaima, ta’ nazzjonalità Libjana, u li għamel ħsara ta’ valur ta’ aktar minn €250 iżda anqas minn €2,500 għad-dannu ta’ ċertu George Cilia.

Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mposta fuqu mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fit-23 ta’ Ġunju li għadda filwaqt li l-Qorti ntalbet mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Agius biex minbarra jiġi revokat il-ħelsien preventiv tas-Sirjan huwa jitlef is-somma ta’ €5,500 ta’ garanzija personali li kienet imposta fuqu.

Mohammad ġie mixli wkoll li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li wettaq reat meta kien għadu taħt probation, liema sentenza ngħatat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fit-30 ta’ Jannar 2017.

Fil-bidu tas-seduta l-akkużat kien offrut ukoll l-assistenza ta’ Avukat tal-Għajnuna Legali peress li m’għandux meżżi u ma kellux min jiddeffendih, liema offertà huwa ċaħad mill-ewwel.