Internazzjonali Kurżitajiet

Ta’ 73 sena twelled tewmin

Erramatti Mangayamma, Indjana ta’ 73 sena, irnexxiela twelled tewmin bniet.

Il-mara li hija bidwija min-nofsinhar ta’ Andhra Pradesh fl-Indja, hija maħsubha li hija l-ixjeħ persuna li qatt welldet fid-dinja. Hija spiċċat tqila grazzi għat-trattament tal-IVF fejn it-trabi fetħu għajnejhom f’din id-dinja bl-intervent ta’ ċesarja.

It-tobba saħqu li l-operazzjoni kienet suċċess bl-omm u t-trabi jinsabu f’saħħithom. Il-mara, li hija miżżewġa lil raġel ta’ 80 sena, kienet ilha tiprova jkollha tfal sa mill-1962 madanakollu kien biss fl-aħħar xhur li nqabdet tqila grazzi għal dan it-trattament.

Bosta qraba saħqu li minkejja l-età tagħha tinsab lesta b’determinazzjoni għal dan il-kapitlu ġdid f’ħajjitha – kapitlu li ilha tistenna għal dawn l-aħħar ħamsin sena.