Ambjent Lokali

Team Start jikkundanna n-negliġenza tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-wirt storiku tagħna

Minkejja l-ftaħir kontinwu tal-awtoritajiet li jinteressahom biss mit-tkabbir numeriku tal-ekonomija, sfortunatament qegħdin naraw nuqqas ta’ konsiderazzjoni u għarfien lejn l-wirt storiku imprezzabbli li wieħed jista’ jsib madwar Malta kollha.

Fi stqarrija, Team Start qal li dan kollu qed isir minħabba l-egoiżmu ta’ gvern illi fl-interess tiegħu mhux jikkontrolla l-Awtorità tal-Ippjanar, bil-konsegwenza li l-poplu Malti qiegħed jitnaqqarlu ftit ftit il-patrimonju li ħallewlu missierijietu.

“Dan qegħdin narawh b’mod ċar fil-kappella ta’ Sant’ Andrija ġewwa l-Mosta, fiż-żona magħrufa bħala tal-Qares. Din il-kappella, li llum tgħodd it-360 sena, għadhom kif sarulha ħsarat strutturali minħabba żvilupp li qiegħed isir 4 metri biss bogħod”.

Minkejja li l-Case Officer irrakkomanda li l-applikazzjoni għal dan l-iżvilupp għandha tiġi rifjutata, l-Awtorità tal-Ippjanar xorta ħalliet kollox għaddej.

“Għal darb’ oħra naraw sistema fejn ir-rieda tal-ftit tegħleb id-dritt tal-ħafna li jgawdu l-patrimonju li ħallewlna missirijietna”.

“Bħala żgħażagħ, nemmnu illi jeħtieġ niddefendu il-wirt storiku ta’ pajjiżna mir-regħba. Filwaqt li l-progress ekonomiku huwa essenzjali għal kwalunkwe soċjetà, dan għandu jimxi id f’id ma’ ħarsien kontinwu ta’ dak kollu li fassal u bena lill-pajjiż”.

“Infakkru illi aħna ż-żgħażagħ għandna l-aktar x’nitilfu minn dan kollu. Aħna għad irridu nerfgħu l-piż ta’ kwalunkwe deċiżjoni mgħaġġla jew egoista illi sseħħ illum, u għalhekk bħala Team Start nikkundannaw n-nuqqas ta’ viżjoni tal-awtoritajiet li turix rispett lejn wirt artna.  Huwa dritt ta’ kull Malti li jgawdi u jgħożż dak li ħallewlna l-antenati tagħna, filwaqt li huwa dmir tagħna li nsemmgħu leħinna kull darba li l-ġid storiku ta’ pajjiżna jisfa’ mhedded”.