Grupp ta’ sidien ta’ dgħajjes kif ukoll applikant mhux magħżul f’tender li kien ħareġ għall-jott marina tal-Gżira kellhom it-talba tagħhom ta’ mandat ta’ inibizzjoni milqugħ proviżorjament mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li waqqfet lil Transport Malta milli jikkonkludu l-proċess ta’ privatiżazzjoni.
Is-sidien tad-dgħajjes li qed jiffaċċaw il-prospett li jitilfu l-irmiġġi tagħhom fil-marina tal-Gżira, qed jallegaw li saru għadd ta’ rregolaritajiet fil-proċess tat-tender.
Berth Holders Ltd, kumpanija li tifforma parti mill-konsorzjum Island Group JV, u 16-il sid ta’ dgħajjsa kellhom jirrikorru għall-Qorti biex iwaqqfu lil Transport Malta milli jiffirmaw il-kuntratt ma’ dak li rebaħ it-tender għall-konċessjoni li jkopri ir-riabilitazzjoni, l-operazzjoni li l-immaniġġjar tal-marina.
Il-konċessjoni ta’ 25 sena se tkopri 25,000 metru kwadru, uffiċċju fil-ġnien u rmiġġ mal-moll. Il-konċessjoni temfażizza perjodu ta’ sentejn fejn l-operatur irid jgħolli l-livell tal-post u jinstalla pontoons, li l-miżata tista’ titla skond l-iskeda imfassla mill-operatur u d-diskrezzjoni tiegħu.
Transport Malta kienet qalet dak iż-żmien li ħarġet it-tender li dak magħżul irid jakkomda 54 dgħajjsa. Minn naħa tagħhom dawk li ma ntagħżlux fit-tender kienu diġa ssottomettew żewġ talbiet għall-informazzjoni taħt l-Att Dwar l-Informazzjoni ħielsa, fejn spjegaw is-suspetti tagħhom fuq l-irregolaritajiet li saru fil-proċess u l-mod ta’ kif ingħata t-tender.
Huma riedu jiksbu minn Transport Malta u d-Dipartiment tal-Kuntratti, kopja tal-kuntratt ta’ konċessjoni, jekk dejjem dan kien diġà ffirmat, u jekk le, spjegazzjoni għaliex dan kien ħa fit-tul.
Is-sidien tad-dgħajjes kienu talbu nformazzjoni wkoll fuq l-ispeċifikazzjonijiet tkeniċi tat-tender mirbuħ iżda kienu ġew riferuti lid-Dipartiment tal-Kuntratti, xi ħaġa li qatt ma mmatterjaliat.
Madankollu, dan l-aħħar huma saru jafu li l-parametri tat-tender kienu nbidlu hekk kif żewġ pontoons oħra kienu miżjuda għal dan il-proġett. Qal li kieku kienu jafu qabel b’dan kollu, huma kienu jkunu f’pożizzjoni jagħmlu offerta aħjar minn dik li kienu għamlu.
Is-sidien tad-dgħajjes qalu li kienu wkoll infurmati minn Transport Malta biex ineħħu d-dgħajjes tagħhom u dan għaliex b’mod imminenti se tiġi ffirmata t-tender ta’ privatiżazzjoni.
Insistew li Transport Malta m’għandha ebda dritt li tisforza t-tneħħija tagħhom minħabba li d-dritt tagħhom ta’ rmiġġ huwa suġġett għall-proċeduri fil-Qorti li għadhom sejrin, fejn qegħdin jisħqu li hemm kuntatt li diġà jorbot mal-Awtorità għat-Trasport.
Huma għalhekk qegħdin jitolbu lill-Qorti biex twaqqaf lill-Awtorità milli tneħħihom mill-post fil-marina tal-Gżira. L-Imħallef Noel Cuschieri laqa’ t-talba tagħhom temporanjament. L-Avukati David Camilleri, Joseph Gatt u Lorna Mifsud Cachia qegħdin jirrappreżentaw lis-sidien u l-kumpanija.
//= $special ?>