Aktar kmieni din il-ġimgħa Birdlife Malta ħelsu żewġ Fjamingi fir-Riserva Naturali tal-Għadira wara perjodu qasir fil-kura tagħhom. Il-Fjamingi, it-tnejn frieħ, kienu jiffurmaw parti mill-qatgħa kbira li kienet osservata tpassi minn fuq il-Gżejjer Maltin fl-20 t’Awwissu.
Il-Fjamingi jpassu fi qtajja’ ffurmati minn adulti u frieħ imma ż-żgħar xi drabi jegħjew u jinfirdu minn mal-kumplament biex jistrieħu. Hekk ġara fil-każ ta’ dawn iż-żewġ Fjamingi li nqatgħu minn mal-bqija u spiċċaw f’nofs in-nies f’partijiet differenti tal-Gżejjer Maltin.
L-ewwel wieħed fil-fatt instab f’Daħlet Qorrot f’Għawdex fejn niżel f’nofs il-bajja fl-20 ta’ Awwissu. Il-Fjamingu ġie salvat minn uffiċjal tal-ERA u ttieħed mill-ewwel għand il-veterinarju tal-Gvern li sab li kien għajjien. It-tieni Fjamingu nġabar l-għada minn membri tal-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) fl-inħawi tal-Għadira s-Safra. Huma għaddew l-għasfur f’idejn BirdLife Malta u dan ittieħed għand il-veterinarju tal-gvern biex jiġi eżaminat. Anke f’dan il-każ instab li kulma kellu l-Fjamingu kienu sinjali ta’ għeja minħabba l-passa.
F’inqas minn ġimgħa kien iċċertifikat li reġa’ ħa lura saħħtu biex ikun jista’ jinħeles lura fis-selvaġġ. Wara li l-veterinarju tat il-kunsens tagħha, iż-żewġ Fjamingi nħelsu fl-Għadira nhar it-Tlieta. Qabel inħelsu minn staff tar-riserva, twaħħlilhom ċurkett.
//= $special ?>