Sport Sport Ieħor

FILMAT: Bormla jżommu l-bażi tal-qaddiefa tagħhom u jibdew favoriti li jerġgħu jirbħu x-Shield

Jekk hemm klabb li hu l-favorit li jirbaħ ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja tal-Ħadd li ġej, dan hu żgur il-klabb ta’ Bormla. Huma ddominaw dan l-isport fl-aħħar snin hekk kif fl-2017 rebħu r-regatta ta’ Marzu kif ukoll ta’ Settembru, u wara li s-sena l-oħra spiċċaw it-tieni f’ta’ Marzu, iddominaw dik ta’ Settembru u stabbilixxew rekord meta rebħu t-tlielaq kollha.

Għajr irtokki żgħar, il-qaddiefa ta’ Bormla baqgħu l-istess u għalhekk jibdew l-akbar favoriti biex il-Ħadd jirbħu l-20 Shield fl-istorja tagħhom u jersqu tlieta biss anqas mir-rivali tagħhom l-Isla. Net Sports tkellem mal-President tal-klabb Evan Buttigieg, li esprima l-opinjoni tiegħu jekk iħossx il-pressjoni żejda li minħabba li huma l-favoriti.

“Meta tkun rebbieħ x’titlef ikollok jiġifieri taħdem u tistinka biex iżżomm dak ir-rebħ li tkun għaddej minnu dak il-mument. Però l-pressjoni tkun dejjem. Għall-klabb ta’ Bormla l-pressjoni tkun dejjem, kemm meta nkunu favoriti u anki meta ma nkunux.” Buttigieg hu tal-opinjoni li minħabba li tilfu l-palju tal-midalji f’Marzu li għadda, se jkunu huma li jisfidaw f’din it-tellieqa, filwaqt li qed jistenna sfida minn klabbs fi tlielaq partikolari.