Futbol Sport

Futur inċert għal John Buttigieg bħala kowċ ta’ Birkirkara

Il-kowċ ta’ Birkirkara John Buttigieg jista’ ma jkunx qed imexxi l-logħba li jmiss hekk kif Replay jinsab infurmat li l-indikazzjonijiet huma li l-kumitat ta’ Birkirkara se jaċċetta r-riżenja li offra John Buttigieg, minkejja li sa issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.

Replay jista’ jikkonferma wkoll li l-plejers ġew infurmati bix-xewqa ta’ Buttigieg u li l-klabb fetaħ diskussjonijiet ma’ kowċis oħra fl-eventwalità li dan iseħħ. Jidher li l-kumitat Karkariż tkellem ma’ kowċis barranin li diġà għandhom esperjenza f’pajjiżna madankollu jidher li l-possibbiltà hi li l-kowċ il-ġdid tal-Istripes ikun wieħed minn għażla ta’ kowċis Arġentin ta’ esperjenza li qatt ma mexxew tim f’pajjiżna.

John Buttigieg kien iffirma kuntratt ta’ sentejn biex sar kowċ ta’ Birkirkara f’April li għadda. Hu kien ir-raba’ kowċ tal-istaġun wara Paul Zammit, John Arne Riise u Mark Buttigieg. Sfortunatament għalih din l-esperjenza kienet negattiva hekk kif Birkirkara tilef l-aħħar żewġ logħbiet li mexxa fl-istaġun li għadda kontra Qormi u Senglea.

F’dan l-istaġun sar investiment importanti mill-klabb li akkwista xejn anqas 12-il plejer iżda Birkirkara bdew il-kampjonat b’żewġ telfiet ta’ 1-0 kontra Floriana u Senglea Athletic. Għal Buttigieg din hi t-tieni esperjenza bħala kowċ tal-Istripes wara li kien għamel bejn Marzu tal-2007 u Lulju tal-2009 bħala kowċ tal-klabb.