L-iżvilupp f’pajjiżna jrid isir u l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jassigura li bl-iżvilupp li jsir jitkattar il-ġid u jgawdi kulħadd. Iżda l-iżvilupp ma jistax isir mingħajr pjan fit-tul, u mingħajr ħsieb. Meta jiġri hekk ibatu n-nies, u l-ambjent li ngħixu fih ikompli jmur lura.
Hekk qed jiġri bħalissa.
Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’diskors li għamel f’Ħ’Attard bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza.
Ftit qabel ma għamel id-diskors tiegħu, iż-żagħżugħa Jessica Farrugia qrat poeżija mituba minnha stess fejn fost l-oħrajn semmiet l-arja.
Ill-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħa spunt minn din il-poeżija u qal li aktar tfal qed ibatu bl-ażma u mard ieħor respiratorju. Il-bini esaġerat u bla pjan, ttaqċċit tas-siġar u l-qerda tal-ftit raba li fadal qed ikollhom effetti negattivi fuq saħħet il-poplu. Il-proġett tas-Central Link huwa eżempju ċar ta’ dan.
Il-Gvern, minkejja dak li qed jgħidulu eluf ta’ residenti u għaqdiet mhux governattivi, se jgħaddi romblu minn fuq ix-xewqat sinċiera tan-nies u l-ambjent tagħhom.
Dan hu gvern, qal Adrian Delia li quddiem il-problema enormi tat-traffiku li għandhu pajjiżna, ddecieda li l-unika soluzzjoni hi t-twessigħ tat-toroq, allura ġab il-gaffef, neħħa l-ħamrija, qaċċat kull siġra li sab, u wessa’ t-toroq. Iżda , t-toroq li wessa’ llum, fi ftit snin oħra mhux se jservu għaż-żieda qawwija fil-karozzi spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia qal illi dan hu Gvern inkonsistenti, għax filli joħroġ permessi bl-addoċċ għall-pompi tal-petrol, imbad ftit wara jgħid li ħatar lil Miriam Dalli sabiex tiddeċiedi meta se jitneħħew il-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel mit-toroq.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid illi Gvern Nazzjonalista se jara li joħloq, u jkattar il-ġid f’pajjiżna, biex minnhu jgawdi kulħadd. Dan il-ġid jinħoloq billi nġibu f’pajjiżna nvestituri serji li joħolqu mpjiegi li jħallsu tajjeb, u billi jinċentiva lill-investituri u negozjanti Maltin jinvestu aktar f’pajjiżna u f’oqsma li jrendu.