Futbol Sport

Irridu nirbħu u niskorjaw ħafna gowls kontra Malta – Cosmin Contra, kowċ tar-Rumanija

(Ritratt: EPA)

Wara li nhar il-Ħamis li għadda, ir-Rumanija tilfet 2-1 kontra Spanja fl-Arena Naţională ta’ Bucharest, il-pressjoni fuq il-kowċ Cosmin Contra kompliet tikber. Wara ħames partiti f’Grupp F għall-kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2020, ir-Rumeni għandhom seba’ punti, b’żewġ rebħiet biss u li waslu kontra l-Gżejjer Faroe u Malta. Mill-bqija temmew draw ta’ 2-2 kontra n-Norveġja u tilfu kontra l-Iżvezja, apparti kontra Spanja fl-aħħar partita.

Il-partitarji Rumeni, iżda wisq aktar il-media tal-lokal, qed ikollha kritika ħarxa fuq il-kowċ ta’ 43 sena, li matul dan ix-xahar jagħlaq sentejn fit-tmexxija tat-tim nazzjonali. Waqt konferenza stampa ta’ qabel il-partita, Contra saħansitra rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ ġurnalist partikolari li ġej minn gazzetta sportiva fir-Rumanija, li qed tagħżel li tkun ħarxa fil-kritika tagħha lejn l-eks plejer ta’ Milan, Atletico Madrid u West Bromwich Albion, fost oħrajn.

“Qatt ma kont beżgħan biex nieħu d-deċiżjonijiet anke jekk qed niġi kkritikat minn bosta wara l-aħħar partiti. Fadal l-aħħar ħames partiti fil-grupp u nqishom kollha bħala finali. Irid li nirbaħ kull waħda minnhom,” saħaq Contra.

B’referenza għall-partita ta’ Malta, Contra qal li “għalkemm din taf tidher partita faċli għar-Rumanija, fil-futbol modern m’hemm ebda partita li hija faċli. Jeħtieġ li nirbħu u niskorjaw ħafna gowls minħabba d-differenza fil-gowls,” żied jgħid il-kowċ nazzjonali Rumen.

Mistoqsi minn Il-Mument dwar il-preġji u d-difetti ta’ Malta, anke għaliex ir-Rumanija diġa’ lagħbet kontra tagħna f’Ġunju li għadda u rebħet 4-0 f’Ta’ Qali, Contra faħħar l-organizazzjoni fid-dipartiment difensiv ta’ Malta u l-fatt li l-kowċ Ray Farrugia kapaċi jagħmel użu minn sistemi tattiċi differenti.

Madankollu l-fatt li fl-ewwel partita r-Rumanija rnexxielha tiskorja l-ewwel gowl wara seba’ minuti logħob, dan biddel kompletament dak li effettivament seħħ fil-partita. Għaldaqstant kontra Malta, f’Ploieşti r-Rumanija se tkun qed tfittex li tiskorja kmieni.

Fil-konferenza stampa ta’ qabel din il-partita, tkellem ukoll il-midfielder żagħżugħ ta’ 20 sena, Ianis Hagi li jiġi iben l-eks plejer leġġendarju Rumen, Gheorghe Hagi. Ianis, li kontra Spanja daħal jilgħab fit-tieni taqsima, esprima x-xewqa li jkollu karriera ta’ suċċess mat-tim nazzjonali Rumen, l-istess bħal ta’ missieru.

F’Lulju li għadda hu ssieħeb liċ-champions Belġjani Genk, mingħand Viitorul, u jinsab ħerqan biex jilgħab fil-UEFA Champions League fil-fażi tal-gruppi. Żewġ staġuni ilu kellu esperjenza qasira ma’ Fiorentina, fis-Serie A Taljana. Kontra Malta, hu mistenni jingħata fiduċja sa mill-ewwel minuta mill-kowċ Contra.