John Buttigieg ma għadux kowċ ta’ Birkirkara wara li offra r-riżenja u wara diskussjoni flimkien mal-kumitat tal-klabb, ittieħdet id-deċiżjoni li r-riżenja tiġi aċċettata. Sakemm jinħatar kowċ ġdid, it-tmexxija se tgħaddi f’idejn Jonathan Holland, bil-klabb Karkariż fetaħ diskussjonijiet ma’ kowċis oħra.
Jidher li l-kumitat Karkariż tkellem ma’ kowċis barranin li diġà għandhom esperjenza f’pajjiżna madankollu jidher li l-possibbiltà hi li l-kowċ il-ġdid tal-Istripes ikun wieħed minn għażla ta’ kowċis Arġentin ta’ esperjenza li qatt ma mexxew tim f’pajjiżna.
John Buttigieg kien iffirma kuntratt ta’ sentejn biex sar kowċ ta’ Birkirkara f’April li għadda. Hu kien ir-raba’ kowċ tal-istaġun wara Paul Zammit, John Arne Riise u Mark Buttigieg. Sfortunatament għalih din l-esperjenza kienet negattiva hekk kif Birkirkara tilef l-aħħar żewġ logħbiet li mexxa fl-istaġun li għadda kontra Qormi u Senglea.
F’dan l-istaġun sar investiment importanti mill-klabb li akkwista xejn anqas 12-il plejer iżda Birkirkara bdew il-kampjonat b’żewġ telfiet ta’ 1-0 kontra Floriana u Senglea Athletic. Għal Buttigieg din hi t-tieni esperjenza bħala kowċ tal-Istripes wara li kien għamel bejn Marzu tal-2007 u Lulju tal-2009 bħala kowċ tal-klabb.
//= $special ?>