Futbol Sport

Lippi jiżvela li Roy Keane kien viċin jingħaqad ma’ Juventus u qal li hu u Ferguson qieshom ‘aħwa’

Il-kowċ leġġendarju tat-tim nazzjonali Taljan u ta’ Juventus qal lill-ġurnal Ingliż Daily Mail li kien viċin ħafna li jieħu miegħu lil Roy Keane. Tenna li kien hemm diskussjonijiet u l-leġġenda ta’ Manchester United kien se jiffirma ma’ Juventus .

Lippi, li llum jgħodd 71 sena, kien Maniġer f’żewġ okkażjonijiet maċ-Champions Taljani u anke kien iggwida lit-tim nazzjonali Taljan għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2006.

L-ewwel perjodu ma’ Juventus kien intemm ftit xhur qabel ma’ meta l-Juventus kienu ltaqgħu kontra l-United fis-semi-finali taċ-Champions League fl-1999, kompetizzjoni eventwalment mirbuħa mir-Red Devils kontra Bayer Munich bl-iskor ta’ 2-1.

Wara draw ta’ 1-1 f’Old Trafford, il-United kienu 2-0 minn taħt f’Turin wara ftit minuti iżda gowl bir-ras ta’ Roy Keane kien daħħalhom fil-logħba tant li l-United kienu spiċċaw rebħu 3-2 biex għaddew għall-finali.

Keane kien sospiż għall-finali kontra Bayern Munich, kif kien sieħbu fit-tim Paul Schole. Lippi iżda qal li l-affarijiet setgħu kienu ferm differenti.
“Kont inħobb lil Keane. Kien viċin ħafna li jingħaqad ma’ Juventus, iżda t-tentattivi minn naħa ta’ ‘La Vecchia Signora’ fallew”, qal Lippi lill-ġurnal influwenti Ngliż.

Lippi kompla biex faħħar lill-eks kollegi ta’ Keane, Paul Scholes u Ole Gunnar Solskjaer, li skont hu jista’ jagħmel suċċess ma’ Manchester United. “Solskjaer kien plejer tajjeb ħafna u nispera li bħala Maniġer imur tajjeb ukoll, għax jixraqlu”, kompla jgħid Lippi.

Lippi kellu wkoll relazzjoni tajba mal-leġġendarju Sir Alex Ferguson fejn qal li tant kemm kienet kbira l-ħbiberija tagħhom, kienu qieshom aħwa. “Konna nagħtu ħafna rigali lil xulxin. Niftakar kont xtrajtlu minn Turin ‘gianduiotti’ (ċikkulata), għan-neputijiet tiegħu iżda spiċċa biex kielhom hu.”

Filwaqt li Lippi u Ferguson kellhom rispett kbir lejn xulxin, dan ir-rispett estenda fl-imħabba li kellhom għal xi tazza imbid. Lippi qal, “anke l-imbid, it-tajjeb mit-Toskana, iħobbu ħafna Ferguson, kien jinżillu għasel.

“Minn naħa tiegħu kien iħobb jibgħatli l-Matrioskas, dawk il-pupi Russi f’ħafna kaxxi, u li fihom kien ikun hemm il- Whiskey Maccallan verżjoni 1971. Darba minnhom ċempiltlu biex jibgħatli kaxxa oħra.”

Tant kemm kienet kbira l-ħbiberija ta’ bejniethom li Lippi kien mistieden u preżenti għat-tieġ ta’ wieħed mit-tfal ta’ Sir Alex. “Darba għamilna mħatra u tlabna lil ‘sommelier’ (persuna li tkun preżenti f’ ristoranti lussużi biex tispjega dak kollu li għandu x’jaqsam mal-imbid, f’kelma waħda espert) fuq xi tip ta’ imbid, u kont jien li rbaħt l-imħatra”.

“Konna wkoll noqgħodu nibgħatu s-suġġerimenti fuq l-imbid permezz tal-mobajl, Ferguson huwa dilettant kbir tal-imbid, ” tenna Lippi. Sadanittant il-leġġendarju kowċ Taljan kien ukoll viċin li jikkowċja fil-Premier League Ingliż ma’ TottenhamHotspur .

“Kont viċin li ningħaqad ma’ Tottenham meta kont kowċ ta’ Juventus,’ huwa qal. “Kienu ferm ġentili miegħi fejn saħansitra għamlu kuntatt mat-tifel tiegħi Davide.

“Madankollu ma ħassejtnix komdu nitlaq minn Turin u lill-Juventus. Għalija, l-Juve huma bħal kif inhuma Manchester United għal Sir Alex Ferguson: klabb uniku li nħobb b’qalbi kollha.

“Ma kontx naf nitkellem sew bl-Ingliż u din kienet ukoll raġuni oħra talli m’aċċettajtx immur Londra,” qal Lippi, li fl-intervista twila tiegħu faħħar lil Ferguson u dwar il-ħbiberija kbira u reċiproka li hemm bejniethom.