Is-Sette Giugno …
Il-ġurnata li mmarkat l-futur ħieles tal-Maltin.
Iżda kien mument fl-istorja ta’ Malta fejn ġera d-demm.
Bħala parti mill-attivitajiet tal-55 sena Malta Indipendenti saret diskussjoni fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bl-isem ta’ “100 sena Malta” mill-ġurnata tas-Sette Giugno.
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia li f’diskors tal-okkażjoni qal li ninsabu f’fażi b’passat ċar iżda b’futur imċajpar dwar x’se ssir minnha Malta.
“Illum il-ġurnata x’inhi d-direzzjoni?” staqsa l-Kap tal-PN, “Din hi waħda mill-kritiċi li qed nagħmlu bħalissa u meta int teżamina l-100 sena illi għixna imbagħad tħares ’il quddiem li dejjem il-PN kellu viżjoni preċiża, illum m’hemmx. Dan il-Gvern bla pjan.”
Hu nnota kif fit-turiżmu żidna fiċ-ċifri, iżda ma dawn iċ-ċifri qed jingħaddu wkoll il-barranin impurtati għax-xogħol f’Malta.
“Irridu naraw il-Partit Nazzjonalista x’viżjoni kellu u fejn riedu jieħu lil pajjiż,” saħaq Delia, filwaqt li żied. “Dan għax aħna bħala Partit ma nħarsux il-ġewwa biss biex naraw kif se jinbidel il-Partit iżda x’effett għandu fuq il-pajjiż u fejn jixtieq jieħdu.”
Hu fakkar li l-Partit Nazzjonalista kien dak il-Partit li beda u kompla jmexxi b’viżjoni preċiża, li sfortunatament il-Gvern Laburista m’għandux.
Dan waqt li l-Gvern ta’ Muscat qed jikkontrolla lil midja, il-qrati u dak kollu li l-Partit Nazzjonalista ħadem għalih biex jgħati l-libertà tal-espressjoni.
Tkellem ukoll il-Professur Henry Frendo li fakkar li s-Sette Giugno ma kienx sempliċiment storbju iżda kienet ġurnata li bdiet pass pass lejn l-Indipendenza tal-Maltin mill-Ingliżi.
Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien jaf x’inhu l-aħjar għal Malta filwaqt li dejjem kellu viżjoni ċara ta’ dak li hemm bżonn għall-futur.
Waqt id-diskussjoni, il-ġurnalist veteran Victor Camilleri saħaq li ninsabu fejn ninsabu f’pajjiżna permezz tax-xogħol li sar matul is-snin minn membri fil-Partit Nazzjonalista, b’mod speċjali l-pass importanti li kien ittieħed għall-Indipendenza.
Hu kompla jgħid li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmen, Gorg Borg Olivier f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħadem u kien kapaċi jġib servizzi lil Maltin mill-bidu nett u mix-xejn.
L-attivita saret fil-jum li bħal lum 100 sena, sitt persuni ġew maqtula fil-ġurnata li saret magħrufa bħala s-Sette Giugno.
Wara dan l-avveniment trawmatiku, dimostranti Maltin oħra saħansitra ttieħdu l-ħabs filwaqt li dawk l-Ingliżi li qatlu lil persuni innoċenti ma ddieħdet l-ebda azzjoni kontrihom.
Iżda permezz tal-kuraġġ li urew il-Maltin, Malta mxiet pass ‘il quddiem għal-libertà ta’ pajjiżna biex minn fortizza saret Nazzjon.
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, fost membri oħra tal-Partit.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>