Sport Sport Ieħor

FILMAT: Marsa jsaħħu Kategorija A u jimmiraw għas-suċċess f’Kategorija B fir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja

Għar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja ta’ din is-sena, id-distrett tal-Marsa saħħaħ it-tim f’Kategorija A biex jagħti sfida lil kulħadd filwaqt li fil-Kategorija B hemm ekwipaġġ ġdid u jeżisti ottimiżmu li jista’ jkollhom suċċess f’din is-sezzjoni. Jekk jidher li hemm titjib għat-tim Marsi fil-qaddiefa, mhux l-istess jista’ jingħad għall-faċilitajiet, bis-Segretarja tal-klabb Shazel Gusman tisħaq li din hi l-akbar diffikultà għalihom.

“Kif probabbli fiż-żmien preċedenti kellu kulħadd però aħna għadna l-unika klabb li qed inbatu minn ċertu ċirkostanzi huma n-nuqqas ta’ fondi li aħna rċevejna mingħand any organisation. Kif tistgħu taraw il-klabb tagħna mhuwiex f’xi sitwazzjoni ta’ barra minn hawn, ċertu affarijiet ikollna nagħmluhom aħna bħala kumitat. Ovvjament nibqgħu ninsistu biex forsi xi ħadd jgħinna. Ċertu fondi, ċertu affarijiet ma tistax tagħmilhom inti, ma tistax iġġibhom mill-isponsors għax dawn jirrikjedu flus kbar.”

Fl-aħħar edizzjonijiet, il-klabb tal-Marsa dejjem kien kompetittiv mal-aqwa klabbs. Fl-2013 huma qasmu x-Shield ma’ Bormla filwaqt li ħarġu rebbieħa fit-tliet snin ta’ wara. Fl-aħħar sentejn li ntrebħet minn Bormla, il-Marsin spiċċaw id-darbtejn fit-tieni post. Id-distrett tal-Marsa rebaħ ir-Regatta ta’ Settembru 13-il darba.