Sport Sport Ieħor

Nadal se jilgħab il-finali tal-Open tal-Istati Uniti kontra Medvedev

(Ritratt: EPA)

Rafael Nadal se jikkontesta l-finali tal-Open tal-Istati Uniti wara li evita rkupra minn żewġ set points fl-ewwel set qabel għeleb lit-Taljan Matteo Berrettini 7-6, 6-4, 6-1 fi Flushing Meadows. Berrettini tilef ir-ritmu wara li tilef okkażjoni importanti iżda xorta wera t-titjib li għamel fl-aħħar żmien.

Għal Nadal il-finali tista’ tfisser ir-raba’ titlu għalih fi New York, iżda quddiemu se jkollu lir-Russu Daniil Medvedev li għaddej minn forma tajba. Is-sid numru ħamsa għeleb lil Grigor Dimitrov 7-6, 6-4, 6-3. Nadal hu l-favorit li jirbaħ id-19-il Grand Slam u jersaq wieħed anqas minn Roger Federer. L-Ispanjol għeleb lil Medvedev ftit ġimgħat ilu fil-finali tat-Tazza Rogers. Hu tilef biss set wieħed fi triqtu lejn il-finali bi prestazzjonijiet pożittivi li jagħmilha aktar diffiċli għal Medvedev.

Berrettini kien sar l-ewwel Taljan li wasal sas-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti mill-1977. Hu kellu opportunità tajba li jirbaħ l-ewwel set li kien twil. It-Taljan impressjona b’diversi forehands b’saħħithom iżda n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet tajbin kienu determinanti. L-esperjenza setgħet kienet determinanti għal Berrettini, f’dik li kienet l-ewwel semifinali tiegħu fi Grand Slam. Minkejja dan, it-titli ATP li rebaħ din is-sena fuq it-tafal kif ukoll fuq il-ħaxix jagħmluh wieħed mill-aktar tennisti promettenti.

Medvedev hu meqjus bħala l-aktar tennist li jista’ jwaqqaf id-dominju ta’ Federer, Nadal u Djokovic. Wara li tilef il-finali f’Washington u Montreal kontra Nick Kyrgios u Nadal rispettivament, Medvedev rebaħ f’Cincinnati. Hu sar l-ewwel tennist Russu li se jilgħab finali ta’ Grand Slam minn żmien Marat Safin fl-2005. Medvedev hu wkoll l-iżgħar tennist raġel f’disa’ snin li se jilgħab finali ta’ Grand Slam. Hu se jkun qed jikkompeti fis-seba’ finali tas-sena  u r-raba’ waħda konsekuttiva.