Sport Waterpolo

Neptunes b’ċans li jaċċertaw mill-kampjonat

(Ritratt: Matthew Tabone)

Neptunes Leo Vegas għandhom ċans li llum jassiguraw mir-rebħ tas-26 kampjonat u t-tielet wieħed fl-aħħar erba’ snin. Illum jerġgħu jiltaqgħu kontra Sliema Frank Salt fit-tieni finali minn possibbiltà ta’ tlieta, b’Sliema taħt pressjoni aktar minħabba li jridu bilfors rebħa biex jibqgħu jittamaw.

B’kollox dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu erba’ darbiet f’dan is-sajf b’Neptunes joħorġu dejjem rebbieħa. Fil-kampjonat huma rebħu bl-iskor ta’ 10-9 u 10-6 filwaqt li rebħu l-finali tan-knock-out 10-8. L-Erbgħa fl-ewwel finali huma rebħu 15-14, f’logħba li Sliema pprotestaw diversi drabi minħabba l-kontroll tal-uffiċjali.

Sitwazzjoni simili fl-Ewwel Diviżjoni hekk kif Marsaskala Fish and Fish jistgħu jirbħu l-kampjonat fit-tieni finali, konxji li kontra Valletta Videoslots dejjem rebħu f’dan l-istaġun.

Fiż-żewġ logħbiet l-oħra, Marsaskala rebħu 17-14 u 13-10 filwaqt li l-Erbgħa li għadda fl-ewwel finali rebħu 13-8 fejn reġgħu urew is-superjorità speċjalment fil-barranin, bil-koppja Kristijan Milakovic u Konstantin Averka jerġgħu jispikkaw kontra l-Beltin.

Logħob għal-lum

Decider U15: Sliema v Neptunes 5.00pm

L-Ewwel Diviżjoni: Marsaskala v Valletta 6.15pm

Kampjonat Premier: Sliema v Neptunes 7.30pm