Sport Waterpolo

Neptunes jirbħu t-tmien kampjonat fl-aħħar għaxar snin b’wirja impekkabbli

(Ritratt: Stefan Abela/BOV)

SLIEMA FRANK SALT………….. 10 NEPTUNES LEO VEGAS…………. 14

(4-2), (1-4), (3-5), (2-3)

Neptunes Leo Vegas ikkonfermaw għaliex iddominaw ix-xena tal-waterpolo lokali fl-aħħar snin hekk kif rebħu wkoll it-tieni finali tal-play-off biex kisbu s-26 kampjonat, it-tielet wieħed fl-aħħar erba’ snin u t-tmien wieħed fl-aħħar għaxar snin.

Din il-logħba kienet it-tislima xierqa lil Niki Lanzon li temm karriera mimlija suċċessi bl-aħjar mod possibbli. Dan kien l-għaxar kampjonat mirbuħ minn Lanzon li se jirtira ta’ kważi 39 sena.

Kollox ma’ kollox Sliema kellhom staġun pożittiv fejn urew progress sinifikanti mis-sena l-oħra u resqu viċin is-suċċess, iżda għadhom qed jistennew l-ewwel kampjonat mill-2009.

Bidu tajjeb minn Sliema hekk kif wara li wieġbu darbtejn għall-gowls ta’ Darko Brguljan u Stevie Camilleri, reġgħu kienu Norbert Hoznyansky u Jamie Gambin li daħħlu lil Sliema 4-2 minn fuq.

Neptunes dawru l-iskor fit-tieni sessjoni bi tliet gowls konsekuttivi minn Darko Brguljan, Nikolai Zammit u Stevie Camilleri. Gavril Subotic ġab id-draw iżda l-veteran Niki Lanzon daħħal lil Neptunes 6-5 b’gowl minn angolu ristrett lejn tmiem it-tieni sessjoni.

Dan il-gowl witta t-triq biex Neptunes ħadu l-kontroll tal-logħba. Sliema kellhom iwieġbu darbtejn biex iħallu d-distakk ta’ gowl, iżda doppjetta ta’ Stevie Camilleri għamlet l-iskor 10-7. Zach Mizzi naqqas id-distakk mill-ewwel iżda kien Jordan Camilleri li ħalla l-vantaġġ komdu ta’ tliet gowls.

Il-gowl ta’ Stevie Camilleri u wara ta’ Petar Muslim għalaq kompletament il-logħba hekk kif Neptunes ikkontrollaw il-logħba sat-tmiem. Fl-aħħar żewġ minuti ħareġ ukoll il-captain Niki Lanzon fost iċ-ċapċip mistħoqq tal-partitarji ta’ Neptunes. Fi tmiem il-logħba bdew l-istess ċelebrazzjonijiet, b’Lanzon jirċievi l-aħħar trofew fil-karriera mill-aqwa li kellu fost il-ferħ tal-plejers sħabu u l-partitarji.

Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta, G. Subotic (3), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky (3), M. Spiteri Staines, L. Galea, B. Cachia, J. Gambin (2), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), M. Vassallo, K. Borg, J. Cachia

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (1), D. Brguljan (3), S. Camilleri (6), J. Camilleri (2), J. Abela, N. Zammit (1), J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil

Referees: Luca Bianco, Filippo Gomez