Lokali

RITRATTI: Irridu ngħaddu lil uliedna pajjiż iħaddar iktar milli sibnieh – Adrian Delia

Il-PN b'inizjattiva oħra favur l-ambjent u s-sostenibbilta'

Irridu li l-ambjent naturali, inkluż dak marittimu, isir parti integrali mill-ekonomija ta’ pajjiżna. L-ambjent għandu jkun għodda favur żvilupp sostenibbli. Dan jista’ joħloq mudell ekonomiku ġust li joħloq il-ġid għal kulħadd, bil-kontra ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern b’missjoni ċara li jpoġġi l-ambjent fil-qiegħ nett tal-aġenda tiegħu.

Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel fil-Mosta bħala parti mill-attivitajiet tal-Inidpendenza fejn għadd ta’ voluntiera ipparteċipaw f’inizjattiva ta’ tindif kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar.

Żied li minkejja li f’pajjiżna hawn servizzi b’xejn ta’ bulk refuse, bosta żoni huma milquta minn illegalitajiet. Dan ifisser li nirrikjedu aktar kampanji ta’ għarfien. Fakkar kif fl-aħħar ġimgħat kien hawn moviment ta’ żgħażagħ li ħadu inizjattivi biex iqajmu kuxjena dwar l-ambjent u appellalhom biex ikunu huma l-bidla fil-kultura ambjentali ta’ pajjiżna. Faħħar ukoll lil-Team Start li aktar kmieni dan is-sajf wettqu clean up, kif ukoll lill-għaqda volontarja Żibel tal-ħidma f’waqtha li qed jagħmlu inkluż l-instalazzjoni ta’ seabin biex jiġbor il-plastik mill-baħar.

Dr Delia qal illi l-preżenza tal-plastik fil-baħar qed tiżdied b’rata allarmanti.  Għalhekk il-PN hu impenjat sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-plastik li jintuża darba biss. Dan ifisser ukoll li hemm bżonn aktar investiment fir-riċerka favur miżuri li jindirizzaw l-eżiġenzi ta’ dan il-qasam bħal materjal alternattiv għall-plastik u l-użu tas-seabins. Qal li pajjiżna jista’ jilgħab rwol importanti f’dan il-qasam ukoll b’aktar investiment fir-riċerka.  Fakkar kif pajjiżna għandu mhedda ta’ baħar estensiva u ta’ importanza mill-aspett ambjentali tant li ż-żona tal-baħar protetta hija akbar miż-żoni protetti fuq l-art. Hu żied li mhux biżżejjed li dawn is-siti jkunu protetti iżda hemm bżonn investiment biex din ir-riżorsa tkun immaniġġjata aħjar u tintuża b’mod sostenibbli. Dak li rajna bil-problema tas-slime hu eżempju ċar tal-vulnerabilita ta’ din ir-riżorsa. 

Dr Delia irrefera wkoll għall-protesta li qed tittella minn numru ta’ għaqdiet inkluż il-Moviment Graffitti. Adrian Delia sellem l-għaqdiet ambjentali għas-sehem importanti tagħhom f’pajjiżna. Qal li l-Membri Parlamentari tal-PN mhux ħa jattendu fuq talba tal-istess għaqda li ma tridx politiċi preżenti. Qal illi ħafna mill-proposti li qed jagħmlu l-Moviment Graffiti, bħal pjanar fit-tul u master plans, il-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar sena saħaq ħafna dwarhom u allura jappoġjahom.

Dr Delia żied li pajjiżna irid jimbarka fuq pjan fit-tul sabiex żoni li mas-snin soffrew illegalitajiet jiġu riabilitati u jingħataw lura lill-familji Maltin u Għawdxin. Fakkar li minkejja hafna marketing u wegħdiet fierħa tal-Gvern, bosta siti li wiegħed li ħa jdawwar f’parks għadhom ma tlestewx. Dan għaliex il-prijorità tal-Gvern mhix li jsaħħaħ l-ambjent ta’ pajjiżna iżda li jwessa’ t-toroq u jaqla’ s-siġar. Issa għaliex il-Gvern induna bil-kritika ħarxa, intefa jħawwel ftit siġar żgħar li imbagħad jiġu abbandunati u jinxfu kif żvela Net News f’Ħad Dingli. Żied li dawn il-parks iridu jkunu spazju miftuħa b’siġar u arbuxelli indiġeni li jirriflettu l-ambjent Malti.