Internazzjonali

Afganistan: Trump iħassar in-negozjati għall-paċi mat-Taliban

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, aktar kmieni llum, ikkanċella n-negozjati għall-paċi mal-grupp militanti tat-Taliban. Dan meta l-intenzjoni wara d-djalogu kienet it-tmiem tal-gwerra li ilha għaddejja fl-Afganistan għal dawn l-aħħar 18-il sena.

Trump, permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, tenna li hu kien qed jippjana biex jiltaqa’ mal-President Afgan Ashraf Ghani u l-kapijiet ewlenin tat-Taliban iżda, imbagħad, iddeċieda li jħassar il-laqgħa sigrieta li suppost saret f’Camp David. Dan wara li l-militanti Talibani ammettew ir-responsabbiltà għall-aħħar attakk fl-Afganistan li sewa l-ħajja ta’ suldat Amerikan.

It-taħditiet għall-paċi suppost li saru ftit jiem qabel l-anniversarju ta’ meta ajruplani gwidati mit-terroristi tal-grupp al-Qaeda, fil-11 ta’ Settembru tal-2001, kienu daħlu direttament ġot-Twin Towers tal-World Trade Center fi New York; b’Washington ukoll (fl-istess jum) iġarrab attakk terroristiku ieħor mill-istess al-Qaeda.

Il-qawwiet Amerikani, f’Awwissu tal-2001, kienu invadew l-Afganistan u waqqgħu lit-Taliban mill-poter. Dan minħabba li l-militanti kienu taw refuġju lit-terroristi tal-al-Qaeda li setgħu jużaw il-pajjiż biex jippjanaw l-attakki storiċi ta’ Settembru tal-2001 fuq l-Istati Uniti.

L-aħħar rapport sostnew li t-Taliban, issa, qed iħejji għal ‘laqgħa interna urġenti’ biex jiddiskuti d-deċiżjoni ta’ Donald Trump biex iħassar il-ftehim għall-paċi.

Sadanittant, l-Uffiċċju tal-President tal-Afganistan qal li l-vera paċi fil-pajjiż issir possibbli biss ladarba t-Taliban jaqbel dwar waqfien mill-ġlied u taħditiet diretti mal-Gvern tat-Taliban.

Li kieku saret il-laqgħa, kien ippjanat li l-President Ghani kien ikollu wkoll taħditiet separati ma’ Donald Trump f’Camp David – is-sit fejn kienu saru n-negozjati għall-paċi storiċi waqt diversi sitwazzjonijiet jaħarqu.

Laqgħa wiċċ-imb-wiċċ mat-Talibani f’Camp David kienet tkun pass diplomatiku straordinarju mill-President Trump, b’mod partikulari għaliex kienet tkun saret ftit qabel it-18-il anniversarju ta’ ‘9/11’ – il-jum tal-attakki terroristiċi storiċi li jibqa’ imsemmi bħala l-aktar data sewda għall-Istati Uniti.