Lokali

BIL-FILMAT: Traġedja fix-xefaq; triq f’periklu li tikkollassa fin-Nadur Għawdex

Filmat li ttella’ fuq Facebook juri ħofor fi triq prinċipali illi juru li t-triq m’hi qed isserraħ fuq l-ebda struttura jew ġebel.

It-triq prinċipali twassal lis-sewwieqa għar-Ramla l-Ħamra jiġifieri hija triq li tintuża minn bosta; partikolarment mil-Maltin u l-barranin. Apparti hekk tgħaddi minn hemm tal-linja kif ukoll xarabank tal-‘hop-on hop-off’.

Il-filmat juri ħofra li tinfed għal qiegħ li huwa madwar sular taħt it-triq. Apparti hekk, it-triq jidher li ttieklet u b’hekk mhix soda, u jekk ma jsir xejn mill-awtoritajiet qiegħda fil-periklu li tikkollassa.

Jidher ukoll illi l-Kunsill Lokali tan-Nadur għamel diversi rapporti lill-Gvern, mhux biss dwar din it-triq imma wkoll dwar toroq oħra fuq barra tal-lokalità li tagħhom hu responsabbli l-Gvern u jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

Is-Sindku tal-lokalità tan-Nadur, Edward Said, ikkummenta dwar din it-triq fejn saħaq li din hija sitwazzjoni inkwetanti u tal-biża’ li l-lokalità tinsab fiha. Huwa qal illi l-Kunsill Lokali ilu jipprova jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet u f’isem il-kunsill qal illi huma lesti:
– jaħdmu id f’id mal-awtoritajiet sabiex isir ix-xogħol meħtieġ.
– jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Ċentrali dwar dawn it-toroq.
– jkunu disponibbli sabiex jgħinu bil-mezzi tagħhom.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, spjega kif din hija triq li tintuża minn mijiet ta’ karozzi kuljum li kollha qegħdin f’periklu kull meta jgħaddu minn din it-triq. Żied jgħid ukoll illi din hija triq arterjali li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex. Huwa appella biex tittieħed azzjoni qabel ikun tard wisq.