Sport Sport Ieħor

AĠĠORNATA: Bormla jiċċelebraw ir-rebħ tal-20 Shield ta’ Jum il-Vitorja fl-istorja tagħhom

(Ritratt: Martin Agius)

Tiġrija tan-nisa – Frejgatina

L-ewwel tellieqa fil-programm kienet dik tan-nisa bil-frejgatina. Id-distrett tal-Birgu rebaħ għall-ewwel darba din it-tellieqa permezz Gylnnis Mizzi u Rachelle Gialanze f’ħin ta’ seba’ minuti u 52 sekonda. Il-Marsa daħlet it-tieni wara li f’mumenti d-dgħajsa kienet qed tisfida sew għar-rebħ tal-palju. Bormla spiċċat it-tielet, bid-dgħajsa tal-Isla ssegwi. F’din it-tellieqa seħħ inċident mhux tas-soltu hekk kif wara li ntemmet it-tellieqa, bil-ferħ taż-żewġ qaddiefa, id-dgħajsa spiċċat inqelbet u mtliet bl-ilma.

1.Birgu (7:52), 2. Marsa, 3. Bormla

Tiġrija Numru 1 – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġ imqadef

L-ewwel tellieqa kienet dik tal-pass b’żewġ imqadef fil-Kategorija B. Id-distrett tal-Marsa ħareġ rebbieħ b’mod drammatiku wara li l-koppja Redeemer Zammit u Kirsten Mifsud għelbet bi ftit ċentimetri lil Andy Gili u Cleaven Falzon ta’ Bormla. Il-koppja tal-Kalkara magħmula minn Gilmore Buttigieg u Kevin Camilleri daħlet it-tielet. Marsa rebħu b’ħin ta’ sitt minuti u 10 sekondi.

Marsa 20 punt, Bormla 12-il punt, Kalkara 6 punti

Tiġrija Numru 2 – Kategorija Open – Tal-Midalji

Bormla bdew jiddefendu x-Shield ta’ Kategorija Open li rebħu s-sena l-oħra bl-aħjar mod hekk kif rebħu t-tellieqa tal-midalji permezz ta’ Kieran Zammit, Clive Casha, Clayton Darmanin u Jurgen Camilleri. Segwew Birżebbuġa u l-Isla f’dik li kienet rebħa konvinċenti għall-Bormliżi. Bormla rebħet f’erba’ minuti u 53 sekonda.

Bormla 20 punt, Birżebbuġa 12-il punt, Isla 6 punti

Tiġrija Numru 3 – Kategorija B – Kajjiki

L-Isla rebħet it-tellieqa tal-kajjiki wara prestazzjoni mill-aqwa ta’ Cayvon Gatt u Ericsen Lia li daħlu l-ewwel b’mod komdu. Huma rkupraw tajjeb lejn nofs it-tellieqa biex għelbu l-isfida ta’ Axel Degiorgio u Josef Dalli tal-Kalkara. Nathan Bonello u Shylon Gauci ta’ Marsamxett temmew it-tielet wara li rnexxielhom jidħlu bi ftit qabel Elton Azzopardi u Clyde Debattista tal-Marsa

Isla 12-il punt, Kalkara 8 punti, Marsamxett 4 punti

Tiġrija Numru 4 – Kategorija A – Frejgatina

Din it-tellieqa damet ftit biex bdiet minħabba li ma ħaditx l-isparatura tal-bidu. Wara ftit minuti bdiet it-tellieqa u sfortuna għal Marsa li nqatgħu mit-tellieqa u kienu qed jipprotestaw għal xi raġuni. Bormla kisbu rebħa faċli hekk kif żammew mal-previżjoni biex meritatament Kieran Zammit u George Frendo daħlu l-ewwel b’vantaġġ komdu. L-Isla daħlet it-tieni b’vantaġġ minimu fuq Birżebbuġa.

Bormla 12-il punt, Isla 8 punti, Birżebbuġa 4 punti

Tiġrija Numru 5 – Kategorija B – Tal-Midalji

Bormla kisbu l-ewwel rebħa fil-kategorija B wara li rebħu t-tellieqa tal-midalji b’vantaġġ ta’ madwar ta’ tliet tulijiet fuq l-Isla, bil-Marsa tidħol fit-tielet post. L-ewkipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Owen Zammit, Antoine Brignone, Cleaven Falzon, Romario Brignone.

Bormla 20 punt, Isla 12-il punt, Marsa 8 punti

Tiġrija Numru 6 – Kategorija A – Tal-Pass b’żewġ imqadef

Clive Casha, Dennis Thornton ddominaw kif mistenni t-tellieqa tal-pass b’żewġ imqadef, tellieqa li ddominaw fl-aħħar snin u b’hekk il-Bormliżi żammew il-massimu tal-punti f’din il-kategorija. Juan Farrugia u Matthew Micallef taw l-ewwel punti lil Marsamxett f’din il-kategorija filwaqt li l-Isla daħlet it-tielet.

Bormla 20 punt, Marsamxett 12-il punt, Isla 6 punti

Tiġrija Numru 7 – Kategorija B – Frejgatina

L-aħwa Matthew Dalli u Steve Dalli taw rebħa lil Birżebbuġa fit-tellieqa tal-frejgatina f’Kategorija B f’ħin ta’ seba’ minuti u sitt sekondi. Huma għelbu l-isfida ta’ Owen Zammit u Antoine Brignone ta’ Bormla li spiċċaw it-tieni qabel Kyle Abela u Charvon Gatt tal-Isla.

Birżebbuġa 12-il punt, Bormla 8 punti, Isla 4 punti

Tiġrija Numru 8 – Kategorija A – Kajjiki

Bormla b’din ir-rebħa aċċertaw mir-rebħ tal-20 Shield ta’ Jum il-Vitorja. Maximilian Mamo, Romario Brignone rnexxielhom jegħlbu l-isfida ta’
Christian Camilleri u Nigel Sant ta’ Marsa, bit-tim ta’ Birżebbuġa jikseb it-tielet post. Żgur li din kienet taqtigħa mill-isbaħ.

Bormla 12-il punt, Marsa 8 punti, Birżebbuġa 4 punti

Tiġrija Numru 9 – Kategorija B – Tal-Pass b’erba’ mqadef

Bormla aċċertaw ukoll mir-rebħ ta’ Kategorja B wara li spiċċaw fl-ewwel post fit-tellieqa tal-pass f’erba’ imqaded. L-ekwipaġġ kien magħmul minn Owen Zammit, Antoine Brignione, Cleaven Falzon u Romario Brignione u rebħu b’ħames minuti u 43 sekonda. Huma kienu segwiti mill-Marsa u l-Isla.

Bormla 24 punt, Marsa 16-il punt, Isla 8 punti.

Tiġrija Numru 10 – Kategorija A – Tal-Pass b’erba’ mqadef

Bormla għalqu r-Regatta tal-Katergorija Open bir-rebħ b’mod konvinċenti tal-aħħar tellieqa b’ħin ta’ ħames minuti u 23 sekonda. Marsamxett daħlu t-tieni fi dwell interessanti mal-Isla. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Goerge Frendo, Clive Casha, Dennis Thornton u Jurgen Camilleri.

Bormla 24 punt, Marsamxett 16-il punt, Isla 8 punti

Klassifika finali ta’ Kategorija Kategorija B

Bormla 64 punt, Marsa 42 punt, Isla 36 punt, Kalkara 14-il punt, Birżebbuġa 12-il punt, Marsamxett 4 punti, Birgu 0 punti,

Klassifika finali ta’ Kategorija Open

Bormla 88 punt, Isla 28 punt, Marsamxett 28 punt, Birżebbuġa 20 punt,
Marsa 8 punti, Birgu 0 punti, Kalkara 0 punti