Il-Ministru Chris Cardona kien ordnat li jgħaddi l-informazzjoni dwar il-kuntratti li ta lill-konsulenti fil-Ministeru tiegħu lill-ġurnal Times of Malta.
Il-gazzetta The Sunday Times of Malta issostni li d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data hi rebħa għall-liberta’ tal-Informazzjoni.
Din id-deċiżjoni waslet wara xhur sħaħ li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona irrifjuta u rreżista sejħiet biex ikunu ppubblikati l-kuntratti ta’ konsulenti tiegħu.
Il-ġurnal kien talab informazzjoni skont l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjon, dwar il-kuntratti ta’ Nadine Lia, illum Maġistrat, taċ-Chief of Staff Mario Azzopardi li kien ħa r-responsabbilta’ għal kont ta’ €750 f’xorb alkoħoliku minn mini-bar fi tliet ijiem f’lukanda f’Dubai u l-kuntratti ta’ erba’ konsulenti oħra fil-Ministeru.
Il-każ mar quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fejn talab li jara l-kuntratti bil-għan li jkun jista’ jieħu deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni tagħhom. Anki hawnhekk, il-Ministeru rrifjuta u mar quddiem it-Tribunal tal-Appell fejn allega li l-Kummissarju m’għandux il-poter li jitlob din l-informazzjoni.
It-Tribunal ċaħad it-talba tal-Ministru u l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, wara li ra d-dokumenti, iddeċieda favur il-ġurnal Times of Malta.
//= $special ?>