Lokali

Diskriminazzjoni fl-għoti tal-appuntamenti għat-testijiet tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan

L-Uffiċċju fi ħdan Transport Malta li hu responsabbli mill-ħruġ tal-appuntamenti għal-liċenzji tas-sewqan tal-vetturi, qiegħed jiġi kritikat u allegat li qed jiddiskrimina sfaċċatament fl-għoti tal-appuntamenti lill-iskejjel tat-tagħlim Motoring Schools.

Qed jiġi allegat li persuni f’dan l-Uffiċċju partikulari, stabbilit fil-Floriana, qed jaġevolaw lil numru ċkejken ta’ skejjel tat-tagħlim li jippreparaw persuni biex jiksbu l-liċenzja tas-sewqan, fir-rigward tal-ħruġ tal-appuntament li jingħatalhom.

Il-kritika hi b’rabta ma’ ċerti skejjel li qed jingħatalhom l-appuntament ftit tal-jiem wara li jkunu ssottomettew l-applikazzjoni tal-istudenti tagħhom, waqt li oħrajn jitħallew jistennew bosta ġimgħat u f’ċerti każi anki sa ħames ġimgħat.

Jirriżulta wkoll li teżisti prassi li minn meta tiddaħħal applikazzjoni sakemm tkun proċessata u infurmata l-iskola tat-tagħlim għas-sewqan, suppost li jkunu jridu jgħaddu mhux aktar minn tliet ġimgħat. Jidher li fir-rigward ta’ ċerti skejjel din qed tkun osservata, iżda fir-rigward ta’ skejjel oħrajn din il-prassi ma hix tkun imħarsa.

Agħar minn hekk, il-mument hu infurmati li reċentement kien hemm saħansitra każijiet fejn studenti weħlu mit-test tas-sewqan, iżda t-tieni test sarilhom fl-istess ġimgħa. Jiġifieri nħarġilhom mill-ewwel l-appuntament għat-test sussegwenti.

Dan kollu qed jikkostitwixxi tgergir u kiritka qawwi ta’ diskriminazzjoni sfaċċata favur ftit mill-iskejjel tas-sewqan, u dawk li qed ibatu minn din is-sitwazzjoni ħassew il-ħtieġa li jitkellmu ma’ il-mument biex isemmgħu l-vuċi tagħhom.

Qalulna li huma kemm-il darba ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar dan l-allegat abbuż minn xi ħaddiema f’dan l-Uffiċċju iżda għal xi raġuni l-ilmenti tagħhom waqgħu fuq widnejn torox.

Is-sorsi li tkellmu magħna żiedu jgħidulna wkoll li issa qed jidħlulhom ukoll ċerti suspetti dwar ċerti testijiet li jsiru lill-istudenti fis-sens kemm dawn it-testijiet qed isiru bis-serjetà. Inspjegabbli per eżempju kif dan l-aħħar, student partikulari li kien qed jagħmel it-test għal-liċenzja tal-mutur weħel mill-ewwel eżami u mbagħad ingħata appuntament ieħor fl-istess ġimgħa! Agħar minn hekk li għal dan it-test partikulari kien hemm preżenti mal-eżaminatur, il-persuna li tmexxi dan l-Uffiċċju li żgur li ma kellha l-ebda skop li tkun preżenti għal tali eżami.

Numru ta’ inċidenti partikulari f’dan is-sens li seħħew dan l-aħħar wasslu biex nibtu ċerti suspetti kemm it-testijiet għall-ħruġ tal-liċenzji tal-karozzi qed isiru bis-serjetà.