Futbol Sport

Farrugia diżappuntat: Jemmen li kien jimmeritana punt

(Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)

Fl-ewwel kummenti wara l-partita, il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia esprima d-diżappunt kbir tiegħu li t-tim Malti ma rnexxielux jikseb punt minn partita li fi kliemu stess kienet waħda pożittiva kontra avversarji li huma aħjar minnha.

Farrugia reġa’ semma l-bżonn li nkunu paċenzjużi fit-tfassil u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett li beda sena ilu u li skont hu diġà qed iħalli l-frott mixtieq hekk kif diġà qed jiġu ntrodotti diversi plejers żgħażagħ. Hu għandu fiduċja kbira li fi sfond ta’ dan ix-xogħol kollu li qed isir, fil-futur se naraw il-frott mixtieq u li l-partitarji Maltin se jkunu qed jieħdu gost bit-tim nazzjonali Malti.

Intant waħda mid-domandi li saret waqt il-konferenza stampa mill-ġurnalisti Rumeni kienet dwar il-fatt li dak li xtaq Kosmin Contra ma wasalx, cioè li r-Rumanija tirbaħ b’ħafna gowls u Farrugia għażel li ma jweġibx u ma jidħolx f’konfronti mal-kowċ, li fil-passat li kien jilgħab ma’ diversi timijiet fosthom Milan u Atletico Madrid. Jidher ċar li dan ir-riżultat se jkompli l-pressjoni fuq il-kowċ Contra. Ġurnalisti Rumeni li tkellmu ma’ dawk Maltin esprimew ix-xettiċiżmu dwar kemm il-proġett Contra jista’ jwassal fit-tul.

Farrugia sellem u rringrazzja lill-partitarji Rumeni li fl-aħħar tal-partita ċapċpu lill-Maltin u ferħulhom tal-prestazzjoni pożittiva li huma taw. Dan il-fatt fi kliem Farrugia stess jagħti l-kuraġġ lill-Maltin għax-xogħol li qegħdin jagħmlu.

https://www.facebook.com/watch/?v=371928860150429