Futbol Sport

Gambin u Farrugia mistennija jkunu l-bidliet ta’ Malta għal kontra r-Rumanija

(Ritratt: Domenic Aquilina)
‘Iż-Żazu’ qed jittama li kontra r-Rumeni ngawdu minn aktar pussess tal-ballun

Christian Micallef jirraporta minn Bucharest bil-kollaborazzjoni ta’ Paparazzi Restaurant, JetFreight Limited u Lanutti, kif ukoll Konica Minolta Office Group Malta

Fl-aħħar partita kontra n-Norveġja, Malta kellha biss 30% tal-pussess tal-ballun. L-avversarji Nordiċi ddominaw il-pussess u kienu huma li ħadu l-inizjattiva tal-partita, anke jekk il-Maltin għarafna niddefendu bi strateġija difensiva li kif jixhed l-iskor finali ta’ 2-0 ħalliet il-frott mixtieq. Illum, fi Stadionul Ilie Oană, f’Ploieşti, il-Maltin se jkunu qed iħarsu li jilagħbu logħba differenti bit-tama li jkollna aktar opportunitá ta’ ballun f’saqajna milli kellna nhar il-Ħamis li għadda.

F’Ġunju li għadda, meta tlifna 4-0 kontra r-Rumanija f’Ta’ Qali, dakinhar kważi qsamna l-pussess tal-ballun mal-avversarji meta kellna 45% tal-ballun f’saqajna. “Jekk jirnexxilna nżommu aktar il-ballun f’saqajna, ma nibqgħux nkunu daqstant taħt pressjoni. Madankollu ninsab fiduċjuż li bl-introduzzjoni ta’ numru ta’ plejers żgħażagħ, imħallta mal-esperjenza ta’ plejers eżistenti fl-iskwadra tagħna, nemmen li maż-żmien l-affarijiet se jkunu aħjar. Għandi tama qawwija li fil-futur dan it-tim se jkun aħjar milli hu llum,” qal kowċ Ray Farrugia, waqt il-konferenza stampa ta’ qabel il-partita kontra r-Rumanija, f’Ploieşti.

Bidliet ċerti mill-aħħar formazzjoni inizjali

Il-kowċ nazzjonali Malti Farrugia, għamilha ċara li kontra r-Rumanija bilfors se jkun qed jagħmel xi tibdil u dan għaliex fi kliemu stess, “meta jkollok żewġ partiti bħal dawn fi spazju ta’ ftit jiem, tkun trid tbiddel xi plejers biex tassigura li jkollok saqajn aktar friski għat-tieni partita.”

“Għalhekk kontra r-Rumanija se jkun hemm tibdil fl-ewwel ħdax. Anke l-approċċ tagħna lejn il-partita se jkun differenti minn kif kien kontra n-Norveġja għaliex sintendi dan hu tim differenti.” Farrugia saħaq li kien se jistenna sal-aħħar biex jieħu deċiżjoni dwar jekk jibdix b’Zach Muscat fid-difiża, u dan wara li d-difensur ta’ 26 sena, weġġa’ siequ wara kwarta logħob fl-aħħar partita, u saħansitra kellu jinbidel.

Minkejja dan hemm, skont kif żvolġiet l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ tal-bieraħ filgħaxija, il-probabbiltá hi li Muscat jilħaq jirkupra u għada jkun mill-ġdid fl-iskwadra inizjali ta’ Malta. Il-ħames difensuri li bdew il-partita kontra n-Norveġja, ċioe t-tlieta ċentrali; Steve Borg, Andrei Agius u Muscat flimkien mal-wing backs, Joseph Mbong u Juan Corbalan, se jkunu qed jerġgħu jibdew il-partita sa mill-ewwel minuta kontra r-Rumeni.

Paul Fenech b’uġigħ fl-irkoppa

Waħda mill-bidliet sfurżati li se jkun qed jagħmel Farrugia hi dik ta’ Paul Fenech f’nofs il-grawnd. Fil-konferenza stampa tal-bieraħ, ‘iż-Żażu’ irrimarka li l-captain ta’ Balzan kien għadu ma rkuprax mija fil-mija wara l-partita ta’ kontra n-Norveġja hekk kif il-plejer kien qed iħoss uġigħ fl-irkoppa. Kowċ Farrugia mhux lest jieħu riskju f’nofs il-grawnd u filwaqt li mistenni jżomm lil Dunstan Vella mal-ewwel ħdax, hu se jkun qed jilgħab lil Rowen Muscat f’rwol inqas offensiv minn dak ta’ nhar il-Ħamis u jerġa’ iddaħħal mal-ewwel ħdax lill-midfielder enerġetiku ta’ Colchester United, Luke Gambin.

Jean Paul Farrugia minflok Jake Grech

Fl-attakk ta’ Malta u b’sistema ta’ 3-5-2 li faċilment tinqaleb għal 5-3-2 jew 5-4-1, skont l-esiġenzi tal-partita, mistenni jkun hemm sa mill-ewwel minuta l-attakkant ta’ Sliema Wanderers Jean Paul Farrugia flimkien ma’ Kyrian Nwoko.

Dan tal-aħħar kellu partita tajba kontra n-Norveġja, filwaqt li Farrugia daħal jilgħab l-aħħar ftit minuti tal-partita tal-Ħamis li għadda, u ħalla impressjoni tajba. B’hekk mill-aħħar formazzjoni ta’ kontra n-Norveġja, il-probabbiltá hi li jkun hemm żewġ bidliet ċerti, dik ta’ Gambin f’nofs il-grawnd, b’Fenech jistrieħ, filwaqt li fl-attakk Farrugia jieħu post Jake Grech.

L-Iżvediżi favoriti għat-tieni post fi Grupp F

Il-ġurnalisti Rumeni xtaqu jkunu jafu mingħand kowċ Farrugia min jaħseb li jista’ jispiċċa t-tieni fil-klassifika finali tal-grupp, hekk kif m’hemm ebda dubju li Spanja se jispiċċaw l-ewwel u jgħaddu direttament għall-fażi finali tal-Ewro 2020. “Hu diffiċli ħafna biex tgħid min se jtemm it-tieni iżda fil-mument l-Iżvezja huma l-akbar favoriti. Fl-istess waqt nemmen li kemm in-Norveġja u r-Rumanija għadhom biċ-ċans li jistgħu jirbħu t-tieni post għaliex għad baqa’ ħames partiti mit-tmiem tal-grupp,” qal Farrugia.

Fuq l-istess linja ta’ ħsieb tkellem ukoll id-difensur internazzjonali ta’ Valletta, Steve Borg. Hu fakkar li llejla l-Iżvezja se tkun qed tilgħab partita diretta kontra n-Norveġja f’Solna u kollox jiddependi mir-riżultat li se jiksbu l-Iżvediżi llejla, wara li nhar il-Ħamis li għadda għelbu lil Gżejjer Faroe 4-0 f’Tórshavn. B’referenza għall-konfront li Malta lagħbet l-aħħar kontra r-Rumanija f’Ġunju li għadda, Borg qal li f’Ta’ Qali minkejja li Malta sofriet telfa ta’ 4-0 u l-ewwel gowl wasal wara seba’ minuti logħob, “qabel dak il-gowl kelna ċans tajjeb niskorjaw l-ewwel aħna.”

“Sfortunatament f’dik il-partita x-xorti ma daħqitilnix. Saħansitra kellna aktar ċansijiet ta’ skor li iżda ma rnexxilnix nisfruttaw filwaqt li konna erratiċi fid-difiża u ġejna kkastigati.” L-eks plejer ta’ Aris Limassol f’Ċipru qal kemm hu ħerqan li se jilgħab din il-partita għaliex din hija opportunitá biex hu u l-plejers sħabu fit-tim juru s-saħħa li għandha Malta f’dan il-livell.