Lokali

Ġurnata mimlija attivitajiet fil-Forti Sant’Anġlu f’Jum il-Vitorja

Fl-okkażjoni tal-Festa tal-Vitorja, kienu bosta l-familji li żaru l-Forti ta’ Sant’ Anġlu, li matul il-ġurnata tal-Ħadd kien miftuħ għall-pubbiku bi prezz ridott.

Permezz tal-attivitajiet il-pubbliku seta’ jerġa’ jgħix l-istorja Maltija b’bosta kostumi u attivitajiet li jirriproduċu l-wirt storiku Malti fost oħrajn permezz ta’ attivitajiet u stands diversi li kollha joffru aspett differenti għat-tradizzjoni folkloristika.

Fost l-attivitajiet organizzati b’kommemorazzjoni għal Jum il-Vitorja kien hemm Parata, Quddiesa, wirja ta’ falkunerija u l-aħħar ġurnata tal-wirja msejħa ‘Behind Closed Doors’ li matul dawn ix-xhur offriet tagħrif dwar l-istorja u l-użu ta’ dan il-wirt arkitettoniku, fost attivitajiet li taw ħajja lil din il-ġurnata storika. Waranofsinhar, in-nies setgħu josservaw il-kompetizzjoni tar-Regatta minn fuq is-sur tal-Forti.

NET News tkellem ma’ numru ta’ nies illi esprimew l-faxxinu tagħhom għall-forti ta’ Sant’Anġlu.

Il-Forti ta’ Sant’Anġlu kien importanti immens għall-protezzjoni ta’ gżiritna, minħabba l-irwol u l-pożizzjoni strateġika tiegħu. Flimkien mal-qlubija u r-reżiljenza tal-Maltin, dan il-Forti kien wieħed mill-fatturi prinċipali li żamm it-Torok milli jegħlbu l-Maltin fl-Assedju l-Kbir.

NET News tkellem ukoll mal-kuratur ta’ Heritage Malta, Matthew Balzan li spjega s-sinifikat tal-Forti Sant’Anġlu fil-kuntest tal-wirt storiku tiegħu.

Apparti hekk, is-sinifikat storiku tal-Forti ta’ Sant’Anġlu jestendi għall-fatt li kien ukoll iservi ta’ kwartieri ġenerali għall-militar tal-ħakkiema tagħna; fost oħrajn tal-Kavallieri, tal-Franċiżi u l-Ingliżi, u b’hekk ikompli jsawwar l-istorja Maltija