Il-Papa Franġisku, waqt iż-żjara attwali fil-Madagascar, ikkundanna l-korruzzjoni u dak li fisser bħala ‘kultura istituzzjonalizzata ta’ privileġġ’ li tippermetti l-ftit li jgħixu bħal sinjuri (f’dan il-pajjiż), bil-maġġoranza assoluta tar-residenti jbatu l-agħar faqar.
Il-messaġġ wasal waqt l-omelija tal-Papa li kien qed jiċċelebra l-quddies f’għalqa ftit ‘il barra mill-belt kapitali ta’ Antananarivo. Għal din il-quddiesa attendew il-mijiet tal-eluf tan-nies li ħafna minnhom kienu raqdu barra fl-inħawi. Il-Vatikan qal li l-organizzaturi tal-quddies ikkalkulaw li l-folla, fil-fatt, ammontat għal miljun ruħ.
Intant, il-Papa enfasizza l-istess tema li ilu għaddej biha kemm ilu jivvjaġġa fil-kontinent Afrikan taħt is-Sahara. Dan meta hu qed jikkritika l-qabża fil-kwalità tal-għajxien bejn is-sinjur u l-fqir f’dan il-kontinent, bil-messaġġ speċifiku jitwassal, qabel, lill-mexxejja tal-Mozambique.
Għall-Papa Franġisku, mhix aċċettabbli l-kultura infurzata mill-gruppi partikulari fil-Madagascar li minnha qed jiggwadanjaw biss in-nies li għandhom xi konnessjoni magħha – b’oħrajn jibqgħu esklużi għal kollox. Is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż qed tħalli wkoll lir-residenti marġinalizzati mingħajr l-opportunitajiet biex itejjbu ħajjithom.
Għaldaqstant, il-Papa, fl-omelija, tkellem kontra sitwazzjoni fejn wieħed ‘jiġġustifika l-prattiċi li jixprunaw il-kultura tal-privileġġ u l-esklużjoni, fost il-favoritiżmu u tipi ta’ ‘patroċinju’, u meta l-korruzzjoni tibqa’ konsegwenza ta’ dan kollu’.
Il-Madagascar hi r-raba’ l-akbar gżira fid-dinja minbarra li waħda mill-ifqar pajjiżi. Il-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti jikkalkula li 90 fil-mija tal-poplu (26 miljuni) fil-Madagascar qed jgħixu fuq anqas minn $2 kuljum, bil-malnutriżmu fost it-tfal jibqa’ wieħed mill-akbar pjagi soċjali.
Il-Papa Franġisku, għada t-Tnejn, għandu jmur fil-Mauritius bħala l-aħħar parti tal-programm taż-żjarat fl-Afrika.
//= $special ?>