Il-kumpanija Public Broadcasting Services li tmexxi x-xandir nazzjonali li suppost għandu jkun oġġettiv u imparzjali tinsab fi kriżi finanzjarja kbira b’dejn li bħalissa jlaħħaq aktar minn €8 miljuni u li wassal lit-tmexxija tal-PBS biex għall-ewwel darba f’għadd kbir ta’ snin ma torganizzax attività li matulha tniedi l-iskeda tal-programmi tal-ħarifa fuq l-istazzjonijiet tagħha.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li sa minn meta t-tmexxija tal-PBS għaddiet f’idejn Charles Dalli, is-sitwazzjoni kompliet tmur mill-ħażin għall-agħar tant li fl-aħħar ftit xhur il-kontrollur finanzjarju Brian Galea irriżenja mill-kariga u sab xogħol fis-settur privat. Għalkemm is-Sur Galea ssottometta rriżenja tiegħu kważi ħames xhur ilu, il-PBS għadu ma sabx sostitut għalih għaliex ħafna mill-applikanti prospettivi huma mħassba ħafna mis-sitwazzjoni mwegħra tal-PBS.
Is-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava bid-deċiżjonijiet tal-Kap Eżekuttiv kif iddettati mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici u minn Kastilja biex ikompli jaġevola lill-persuni tal-klikka fosthom lill-ex Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Quinton Scerri li fl-2014 iddaħħal jaħdem il-PBS wara li spiċċa minn Segretarju Privat tal-Ministru Manuel Mallia ftit wara l-każ tal-isparatura fl-Imsida. F’temp ta’ ftit iżjed minn erba’ snin, Quinton Scerri ħa rekord ta’ promozzjonijiet u minn din il-ġimgħa ngħaqad mal-lista twila ta’ managers li hemm mal-PBS bħala ‘New Generation Media Manager’ li nħolqot speċifikament għalih.
Fis-sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa fis-17 ta’ Lulju li għadda, il-PBS kien qal li ‘New Generation Media Manager’ se jirrapporta direttament lill-Kap Eżekuttiv, Charles Dalli u se jkun responsabbli mit-tmexxija ta’ negozji strateġiċi fi ħdan PBS. Ir-rwol huwa vag ħafna u sorsi fil-PBS qalulna li l-kariga hija biss skuża biex Quinton Scerri jibqa’ ‘jpappiha tajjeb’ waqt li jtejjeb il-pakkett finanzjarju tiegħu li issa se jaqbeż is-€60,000 bil-preżentazzjoni u l-produzzjoni tal-programm ta’ kull filgħodu li fl-istħarriġ tal-udjenzi kiseb l-agħar riżultati minn kemm ilu jixxandar b’medja ta’ inqas minn 1,000 telespettatur bejn is-7 u d-9am.
Fl-2014, Quinton Scerri kien irriżenja minn Sindku ta’ Ħaż-Żabbar wara kundanna qawwija f’investigazzjoni indipendenti minn Bord ta’ Governanza Lokali mmexxi mill-Maġistrat Joe Mifsud li kienet sabet diversi rregolaritajiet. Fir-rapport kien intqal li l-voti li kien ġab Quinton Scerri fl-elezzjoni lokali x’aktarx “telgħu għal rasu” u sorsi fil-PBS qalu li din il-kariga ġdida li ħadd ma jaf x’responsabbiltajiet għandha se tkompli tgħin lill-ex Sindku biex jibqa’ jagħmel li jrid u mill-PBS stess ikompli jaħdem fuq in-negozju privat tiegħu li jorganizza l-attivitajiet tal-massa bħal festival internazzjonali tal-ikel u parties. L-istess sorsi qalulna li ħafna mil-laqgħat u kuntatti dwar dan ix-xogħol jagħmilhom il-PBS stess bil-barka tal-Kap Eżekuttiv Charles Dalli li hu sigriet magħruf li m’għandux ħiliet ta’ tmexxija u jieħu d-deċiżjonijiet skont kif jgħidulu uffiċjali tal-Gvern minn Kastilja u l-Ministeru tal-Kultura.
