Lokali

Il-PN irid tisħiħ fil-livell tal-litteriżm​u biex joktru l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’pajjiżna

Malta għadha mhix tilħaq mal-objettivi Ewropej u għalhekk, sal-lum, għad għandna ħafna studenti Maltin li qegħdin jaqtgħu lura mhux biss fil-progress edukattiv imma fl-iżvilupp tant meħtieġ tal-litteriżmu. Il-Partit Nazzjonalista juri t-tħassib tiegħu għaliex Malta mhix qiegħda tagħmel l-avvanzi mistennija b’mod sostenibbli. Għal dan il-għan, pajjiżna jeħtieġ politika li twassal sabiex jintlaħaq il-potenzjal tal-istudenti Maltin. Hekk stqarr is-Segretarju Generali u Kelliem tal-Oppozizzjoni ghall-Edukazzjoni Clyde Puli fil-jum internazzjonali tal-litteriżmu li qiegħed jigi mfakkar mill-UNESCO.

Lura fl-2014 kienet varata l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex li tqis il-litteriżmu bħala element importanti għall-kisba tal-inklużjoni soċjali. Din il-politika, li tnediet sabiex jittieħdu miżuri speċifiċi ħalli kulħadd jingħata l-aħjar opportunità sabiex jikseb il-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu u jkollu opportunità jikber u jissieħeb fis-soċjetà ta’ għada, mhux tħalli r-rizultati mistennija.

Ir-rapport tal-Bank Dinji – Growing United: Upgrading Europe’s Convergence Machine – ta’ April 2018, jagħtina stampa ċara ta’ sistema edukattiva li mhix tkopri l-progress tal-aħjar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-istatistiċi li jixirfu minn dan ir-rapport hu ta’ tħassib, u li quddiemhom irridu rispons politiku b’diversi implimentazzjonijiet li jkunu msejsa fuq mudelli ta’ pajjiżi li qed jaqdfu ‘l quddiem u li s-suċċess tagħhom huwa akkredidat fl-istudji internazzjonali bħall-‘Programme for International Student Assessment’ (PISA), il-‘Progress in International Reading Literacy Study’ (PIRLS) u t-‘Trends in International Mathematics and Science Study’ (TIMMS) ikkordinati mill-‘Organisation for Economic Co-operation and Development’ (OECD) u l-‘International Association for the Evaluation of Educational Achievement’ (IAE) rispettivament. Mill-oppożizzjoni l-Partit Laburista kien ta’ spiss jirreferi għal dawn ir-rapporti biss issa bħal donnu qed jevita li jiddiskuti r-riżultati tagħhom.

Ir-rapport tal-Bank Dinji, jagħtina indikazzjoni tar-riżultati li għandhom jinstigaw politika b’implimentazzjonijiet pro-attivi u b’viżjoni li jwasslu lill-Edukazzjoni tagħna sabiex tibda tilħaq il-miri Ewropej. Fl-istudju ‘Early School Leaving and Personal and Social Wellbeing’, il-Professur Carmel Borg jirrimarka li “50% tal-labour force (f’Malta) qed topera f’low-skill level” minħabba li għandha rata kbira ta’ Early School Leavers u li mbagħad twassal għal inġustizzja soċjali. L-istudju jagħmel enfasi fuq id-differenzi soċjoekonomiċi u jenfasizza kif studenti li ġejjin minn backgrounds soċjoekonomiċi vantaġġużi għandhom aktar possibiltajiet jirnexxu akkademikament minn dawk li ġejjin minn backgrounds soċjoekonomiċi anqas vantaġġjużi. Dan qiegħed iħalli impatt fuq il-livell ta’ litteriżmu f’pajjiżna.

Sfortunatament Malta għandha rati ogħla mill-medja Ewropea ta’ ‘under-achieving students’ ta’ 15-il sena fil-qari, fil-Matematika u fix-Xjenza. Jekk il-medja Ewropea hija ta’ 19.7%, 22.2%, u 20.6% rispettivament, f’Malta 35.6%, 29.1% u 32.5% li m’humiex qed jilħqu l-livelli medji bħall-istudenti Ewropej. Għalhekk il-politika edukattiva tagħna għandha tindirizza dan in-nuqqas b’urġenza. Il-Partit Nazzjonalista, proprju llum jisħaq fuq l-importanza li l-Gvern jinvesti bis-serjetà fl-edukazzjoni bikrija għaliex f’dawn is-snin jitħejja pedament sod sabiex l-illitteriżmu jkun megħlub fl-ewwel snin tal-primarja. Din is-sena, il-UNESCO qiegħda tiffoka wkoll fuq l-importanza tal-multilingwiżmu u għal dan ukoll, pajjiżna jeħtieġ jagħti aktar opportunitajiet fil-livelli tal-primarja sabiex inwelldu kultura li tagħraf tqis l-importanza tad-diversità lingwistika.