Lokali

Il-Prim Ministru jiddefendi l-emenda għal-liġi tal-kera

Minkejja l-kritika qawwija li qed tasal minn diversi oqsma, b’mod partikolari mit-taqsima tas-sidien tal-propjeta’ fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, il-Prim Ministru Joseph Muscat jiddefendi l-emendi għal-liġi tal-kera.

Waqt intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Muscat qal li filwaqt li għandha tiġi illimata f’ċertu oqsma, hu iddefenda l-liġi bħala waħda tajba.

Il-kummenti ta’ Muscat waslu fl-istess ġimgħa li matulha is-sidien ta’ propjetajiet għall-kiri membri tal-MDA, esprimew l-għadab tagħhom għall-proposti li hemm fil-liġi, b’ħafna jiddikjaraw li se jaqbdu u jbiegħu jkollox u joħorġu mis-suq tal-kera.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti għamilha ċara li l-MDA ma taqbilx mal-proposta fil-liġi l-ġdida tal-kera li l-Gvern jintervjeni f’kuntratt privat bejn il-kerrej u l-inkwilin. Hu lmenta li l-liġi l-ġdida ma tagħmilx distinzjoni bejn proprejatajiet komuni u proprjetajiet lussużi.

Apparti dan, il-Ligi l-gdida taghti poter lill-Awtorita tad-Djar taqbad u tidhol fi propjeta’ privata biex tispezzjona – u ghalhekk qed tinghata sahha sahansitra akbar mill-Pulizija, filwaqt li l-Gvern ikollu kontroll assolut fuq is-sidien. Dan hu punt illi waqt il-laqgha mal-MDA gab ghadab kbir minn dawk prezenti.

Dan minbarra diversi osservazzjonijiet li partijiet minn din il-liġi imorru kontra l-Kostituzzjoni.

Waqt l-istess intervent telefoniku, Muscat tkellem ukoll dwar il-Baġit li se jiġi ppreżentat fl-14 ta’ Ottubru. Hu qal li xogħol il-Gvern hu li jnaqqas l-ispiża lill-poplu li issa dara li l-Gvern jagħtih fil-Baġit u mhux jeħodlu.

Madanakollu, ma kien hemm ebda referenza mill-Prim Ministru għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti essenzjali matul din is-sena fosthom il-ħobż, il-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-posta u ż-żieda qawwija fil-fuels matul dan is-Sajf.