“Jekk il-kisba tal-Indipendenza, 55 sena ilu, kienet għal pajjiżna ċ-ċavetta għall-iżvilupp politiku tant importanti għal pajjiżna fl-istorja reċenti tiegħu, daqstant ieħor illum għandna kisbiet importanti quddiemna li ma nistgħux niżbaljaw dwarhom.’’
“Fl-oqsma tad-demokrazija, tal-ekonomija, tal-ambjent, tal-edukazzjoni u f’oqsma oħrajn importanti l-poplu Malti u Għawdxi bħalissa għandu sfidi serji ħafna li jrid jagħraf jidħol għalihom b’determinazzjoni biex pajjiżna jimxi tassew ’il quddiem.’’
“Dan kollu għaliex sfortunatament għandna Gvern li m’għandux pjani serji u fit-tul – pjani b’viżjoni – kif se jmexxi ’l quddiem l-isfidi li għandu pajjiżna f’dawn l-oqsma. Il-Gvern jimpurtah biss mill-ftit li qed jistagħnew, iżda mbagħad iwarrab l-interessi tal-ħafna li qegħdin jew fix-xifer tal-faqar jew inkella saħansitra fil-faqar għaliex id-dħul tagħhom mhux ipaċi l-ispejjeż u l-infiq tagħhom.’’
“Quddiem dan kollu l-messaġġ dirett u ċar tal-Partit Nazzjonalista hu wieħed… ejja naħdmu biex f’pajjiżna jkollna tassew soċjetà li jimpurtaha; soċjetà li tassigura li ħadd ma jaqa’ lura; soċjetà fejn il-ġid li jitkattar igawdi minnu kulħadd.”
Din id-dikjarazzjoni b’saħħitha għamilha Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, meta kien intervistat mill-gazzetta il-mument.
Clyde Puli qal li dak li qed jiċċelebra f’dawn il-jiem il-Partit Nazzjonalista huma festi importanti ħafna mhux biss għaliex qed titfakkar kisba storika għal pajjiżna li seħħet 55 sena ilu, imma wkoll għaliex dawn il-festi qed isiru f’mument fejn f’pajjiżna wkoll għandna sfidi mill-aktar serji x’wieħed jiffaċċja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fakkar li hu importanti li kulħadd jifhem li meta pajjiżna kiseb l-Indipendenza 55 sena ilu għamel kisbiet kbar li għadna ngawduhom sal-lum.
Grazzi għall-Indipendenza, rawwimna ekonomija b’saħħitha bbażata fuq il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-aqwa riżorsa li għandna… iċ-ċittadini Maltin li bl-għaqal tagħhom irnexxielhom jattiraw lejn pajjiżna niċeċ ekonomiċi li ħolqu l-ġid, ix-xogħol u bl-għaqal tagħhom irnexxielhom jagħmlu suċċess ekonomiku minn blata fejn ir-riżorsi huma limitati ħlief għan-nies tagħha.
Dan kollu għandu jwassalna biex ikollna soċjetà li jimpurtaha; soċjetà li tkun ispirata mill-valuri li jsawruha; li toħloq il-ġid għal kulħadd.
Hu semma l-kwistjoni tal-identità u staqsa x’jiġri jekk nitilfu l-valuri tagħna; jekk neqirdu s-sens ta’ storja tagħna; jekk ma nagħrfux is-sens ta’ min aħna; jekk neqirdu l-ambjent naturali u kulturali tagħna. Hu importanti ħafna li nagħrfu nikkuraw ir-riżorsa tagħna u li nikkuraw ukoll is-sens ta’ komunità li jżommna flimkien u li jagħmilna Maltin u Għawdxin.
Mistoqsi dwar l-isfidi ekonomiċi li għandu l-pajjiż quddiemu, Clyde Puli fisser li hu importanti li mill-ġid li jitkattar, igawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Jeħtieġ li flimkien u bi djalogu mal-imsieħba soċjali kollha nfasslu pjan fit-tul u li jkun jagħti direzzjoni sostenibbli u bbilanċjat lil pajjiżna.
Clyde Puli kompla jistaqsi x’jiswa li jkollna arja maħmuġa li tagħmel ħsara lil saħħet kull min jgħix f’pajjiżna. X’qed jieħu pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi mill-qerda ta’ eluf ta’ siġar?
Għandna problemi kbar ta’ tniġġis… biżżejjed wieħed jifhem li għandna żieda ta’ ċirka elf vettura fit-toroq kull xahar. Dan għaliex hu evidenti u mill-aktar ċar li m’għandniex sistema ta’ trasport pubbliku li hi effiċjenti, nadifa u li persuna tista’ tafdaha.
Hawnhekk Clyde Puli tkellem dwar in-nuqqas ta’ spazji miftuħa għall-familji u qal li anki hawnhekk il-Gvern qiegħed ifalli għalkollox kif qed ifalli wkoll fil-kamp tal-edukazzjoni fejn il-mudell ekonomiku tal-Gvern ilu mhux iħares kif jixraq l-importanza tal-edukazzjoni.
Hu evidenti li l-governanza tas-sistema edukattiva jeħtieġ li tinbidel u titjieb. Bla dubju ta’ xejn, jeħtieġ li jkollna awtonomija fit-tmexxija tal-kulleġġi u li jkollna rispett lejn il-professjoni tal-għalliema.
Hi inkwetanti ħafna kif fl-aħħar snin rajna li r-reputazzjoni impekkabbli li bena pajjiżna marret il-baħar. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed iwassal messaġġ li jeħtieġ li jkollna soċjetà li jimpurtaha fejn mill-ġid li jitkattar, igawdi kulħadd għaliex hu b’hekk biss li nistgħu niġġieldu lill-faqar li sfortunatament qiegħed jikber.
Dwar il-programm tal-festi tal-Indipendenza li l-Partit Nazzjonalista fassal biex jiċċelebra dawn il-festi, Clyde Puli qal li “qed nagħmlu 55 attività. Xahar sħiħ ta’ attivitajiet li l-iskop tagħhom hu li bihom niċċelebraw dan l-avveniment kif jixraq iżda wkoll biex nirriflettu u niddiskutu l-futur tan-nazzjon tagħna u lil Malta li rridu ngħixu fiha.”
L-intervista sħiħa tinsab fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument.
//= $special ?>