Sport Sport Ieħor

Iż-żagħżugħa Andreescu taħsad lil Serena Williams u tirbaħ l-ewwel Grand Slam fil-karriera

(Ritratt: EPA)

Iż-żagħżugħa Bianca Andreescu ħasdet lil Serena Williams biex kisbet l-ewwel Grand Slam fil-karriera filwaqt li ċaħħdet lill-Amerikana milli tirbaħ l-24 Grand Slam fil-karriera. Williams li għandha 37 sena, ma laħqitx mat-tennista ta’ 19-il sena f’telfa ta’ 6-3, 7-5.

Andreescu li kienet fil-polza prinċipali għall-ewwel darba, tilfet break doppju fit-tieni set qabel rebħet it-tielet match point u waqgħet mal-art hekk kif ma riditx temmen li rebħet.

Hi saret l-ewwel Kanadiża li rebħet Grand Slam tat-tennis. Hi wkoll l-ewwel tennista taħt l-20 sena li rebħet minn meta Maria Sharapova kienet kisbet proprju dan it-titlu fi Flushing Meadows 13-il sena ilu, bl-istess Sharapova tirbaħ Wimbledon lura fl-2004.

Dan is-suċċess hu l-aħħar kapitlu minn storja ta’ ispirazzjoni, hekk kif sena ilu kienet eliminata mill-ewwel rawnd u kienet barra l-ewwel 200 post fir-rankings tad-dinja. Qabel il-bidu ta’ din is-sena, hi kienet lagħbet biss sitt logħbiet fuq livell ta’ tour, iżda minn dakinhar rebħet it-titli WTA f’Indian Wells u Toronto biex spiċċat mal-aqwa 15 tad-dinja. B’din ir-rebħa titla’ sal-ħames post fir-rankings tad-dinja u minbarra l-madwar €4 miljuni li rebħet qabel kważi se tirdoppjahom b’din ir-rebħa.

Fuq in-naħa l-oħra, għal Williams din kienet ir-raba’ finali mitlufa b’mod konsekuttiv hekk kif donnha ma tistax tikseb l-ewwel Grand Slam minn meta welldet u tilħaq ir-rekord ta’ Margaret Court.

Is-sena l-oħra Williams tilfet il-finali ta’ Wimbledon u fl-Open tal-Istati Uniti s-sena l-oħra kontra Naomi Osaka li kienet kontroversjali. F’Lulju li għadda tilfet kontra Simona Halep f’Wimbledon. Serena Williams tagħlaq 38 sena dan ix-xahar u ħafna qed jistaqsu kemm se jkollha okkażjonijiet biex numerikament tikkonferma li hi l-aqwa ta’ kull żmien.