Lokali

AĠĠORNATA: Jinstab katavru fl-inħawi ta’ Miġra l-Ferħa

Dalgħodu għall-ħabta tad-disgħa nstab katavru fl-inħawi ta’ Miġra l-Ferħa, ir-Rabat wara tfittxija bil-helikopter mill-Forzi Armati li kienet ilha għaddejja mill-bieraħ.

Ilbieraħ għall-ħabta tat-3p.m. kien hemm sejħa għall-għajnuna wara li raġel barrani sab ruħu f’diffikultajiet wara li niżel jgħum f’Miġra l-Ferħa. Raġel Portugiż ta’ 38 sena residenti tas-Sliema qabeż il-baħar biex jipprova jgħinu iżda anki hu sab ruħu f’diffikultajiet u beda jinġarr mill-kurrent.

Eventwalment il-Portugiż instab fl-inħawi tal-Ġnejna u ttella’ mill-baħar mill-Forzi Armati ta’ Malta.

It-tfittxija għar-raġel l-ieħor baqgħet għaddejja matul il-ġurnata tal-bieraħ u kompliet illum sakemm kmieni dalgħodu għall-ħabta tad-disgħa ntlemaħ katavru fil-baħar. Il-katavru ttella’ mill-baħar u twassal iċ-Ċirkewwa fejn nġarr minn hearse tal-Pulizija lejn l-Isptar Mater Dei.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha. Galea Sciberras li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.