Iċ-ċifri maħruġa mill-Eurostat din il-ġimgħa juru kif il-Maltin hu l-aktar poplu mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewrpea li hu espost għat-tniġġis fl-arja. Dan hu ta’ inkwiet għall-familji tagħna għax l-impatt ta’ dan kollu huwa fuq is-saħħa tagħna u ta’ uliedna.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li wara dawn iċ-ċifri hemm iktar minn 570 persuna li qegħdin imutu f’Malta kull sena kawża tat-tniġġis esagerat fl-ajra u l-mard respiratorju li dan iġib miegħu. Dawn kollha huma mard u imwiet li jistgħu ikunu evitati.
Dan ir-riżultat inkwetanti dwar it-tniġġis fl-arja f’Malta huwa kollu tort tal-mentalita li biha miexi dan il-Gvern ta’ nuqqas ta’ pjan fit-tul u ta’ politika li ma temmimx fi żvilupp sostenibbli. It-tqaċċit ta’ mijiet ta’ siġar u il-qerda ta’ mhedded sħaħ ta’ raba saru l-ordni talġurnata. Din hija politika irresponsabbli li tagħmel ħsara kbira lil saħħet il-poplu u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-PN se jkompli juri kif l-iżvilupp f’pajjiżna jista’ jsir b’mod sostenibbli fejn permezz ta investiment fl-ambjent ta’ fuq l-art u dak tal-baħar nistgħu ninvestu f’saħħet il-poplu kif ukoll noħloqu opportunitajiet ta’ impjiegi f’dawn is-setturi.
//= $special ?>