Il-kap tat-taqsima nukleari tal-Iran qal li l-pajjiżi Ewropej involuti fil-ftehim (nukleari) storiku tal-2015 naqsu milli jirrispettaw l-impenji skont il-patt. Il-kumment ta’ Ali Akbar Salehi ingħata jum wara li l-Iran ħabbar li qed jaqbeż il-limiti tal-attività nukleari permessi mill-ftehim.
Dan il-ftehim kien rażżan il-programm nukleari tal-Iran, bi skambju ma’ tnaqqis fis-sanzjonijiet fuq ir-reġim Iżlamiku f’Tehran. Madankollu, il-patt storiku jidher li qed jisfaxxa bil-mod il-mod mindu l-Istati Uniti rtirat minnu, is-sena l-oħra. Dan meta l-Amerikani, illum, qed jippruvaw joħonqu l-kummerċ biż-żejt min-naħa tal-Iran, bil-għan li Tehran ibaxxi rasu għal aktar konċessjonijiet rigward is-sigurtà.
Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit ippruvaw (permezz ta’ sistema kummerċjali fuq bażi ta’ barter) jipproteġu lill-Iran mis-sanzjonijiet tal-Istati Uniti iżda qed isibuha diffiċli biex jiksbu riżultati effettivi.
Intant, Salehi qal li l-pajjiżi tal-Ewropa naqsu mill-obbligazzjonijiet elenkati mill-ftehim ‘li mgħandux jorbot lil naħa waħda biss (l-Iran)’. Hu sostna li pajjiżu se jkompli jieħu l-azzjonijiet li jqis bħala xieraq u fejn, gradwalment, inaqqas mill-impenji li kien daħal għalihom skont il-patt tal-2015.
Salehi, fl-istess ħin, insista li ‘l-Iran se jkompli fuq din it-triq dment li l-partijiet l-oħra jonqsu mill-impenji tagħhom’.
//= $special ?>