Lokali

Pajjiżna jfakkar Jum il-Vitorja

Il-Ħadd pajjiżna fakkar il-Festa ta’ Marija Bambina li ta’ kull sena tiġi ċċelebrata fil-Mellieħa, in-Naxxar, l-Isla u x-Xagħra Għawdex. Iżda minbarra l-festa liturġika, it-8 ta’ Settembru hi wkoll festa Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja – jum ta’ sinifikat kbir għall-istorja ta’ pajjiżna.

L-għeruq ta’ dan il-jum storiku jmorru lura għall-1565, bil-jum ifakkar ir-rebħ tal-Maltin fl-Assedju l-Kbir tal-1565.

Dan hekk kif fis-7 ta’ Settembru, il-flotta Sqallija tal-Gran Soccorso kienet waslet max-xatt ta’ pajjiżna biex l-għada, wara iktar minn tliet xhur ta’ invażjoni mit-Torok, l-Ottomani rtiraw.

B’hekk ġie fi tmiemu dak li jitqies bħala wieħed mill-iktar assedji mdemmija u fost l-ikbar fl-istorja.

Eqreb lejn żmienna, it-8 ta’ Settembru dan il-jum għandu wkoll rabta mat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm uffiċjalment din intemmet f’Novembru tal-1943, kien fit-8 ta’ Settembru li l-Italja rtirat, bil-konsegwenza li l-bumbardamenti fuq Malta naqsu drastikament.

Ma’ dan il-jum jintrabat ukoll avveniment ieħor, hekk kif erbat ijiem qabel Jum il-Vitorja, jiġifieri fl-4 ta’ Settembru tal-1800, it-truppi Franċiżi li kienu jokkupaw Malta taw ruħom b’idejhom lill-Kmandant Emanuele Vitale u l-Kanonku Francesco Saverio Caruana wara battalja ta’ sentejn.

Biex jitfakkar dan l-avveniment, matul il-ġurnata tal-Ħadd, iċ-ċelebrazzjonijiet bdew b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni mill-President ta’ Malta George Vella fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir il-Belt Valletta bis-sehem ta’ stakkament ta’ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew il-Ġimgħa filgħaxija b’serata kommemorattiva quddiem il-monument fi Pjazza L-Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta.

Is-Sibt filgħaxija mbagħad saret Quddiesa pontifikali fil-Knisja Arċipretali Marija Bambina fil-Mellieħa mill-Arcisqof Charles J. Scicluna.

Bħal kull sena, il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ntlaħaq il-Ħadd waranofinhar bir-Regatta nazzjonali fil-Port il-Kbir organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali.