Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson jinsisti bil-pjan għall-Brexit

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, għamilha ċara li se jinsisti bil-pjan ‘oriġinali’ tiegħu għall-Brexit u li mhux se jipprova jipposponi t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, waqt is-summit tal-Unjoni li jsir ix-xahar id-dieħel.

Il-pożizzjoni ta’ Johnson kienet ikkonfermata minn żewġ ministri tiegħu wara r-riżenja sorpriża, nhar is-Sibt, ta’ Amber Rudd minn Ministru tax-Xogħol u l-Pensjonijiet.

Amber Rudd iddeċidiet li titlaq mill-Gvern minħabba l-politika ta’ Boris Johnson dwar Brexit, fejn qalet li ‘il-mod sproporzjonat li bih il-Gvern qed jikkonċentra fuq in-no-deal Brexit serva biss biex ikabbar is-sens tal-kriżi’. Hi kompliet li, permezz tar-riżenja, ‘riedet tagħmel punt li l-Partit Konservattiv (fil-Gvern) għandu jsir partit moderat li jilqa’ fih in-nies bil-fehmiet differenti dwar l-Unjoni Ewropea’.

Sadanittant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Domninic Raab u l-Ministru tal-Finanzi, Sajid Javid, qed jinsistu li l-Prim Ministru Johnson għadu determinat daqs qatt qabel li r-Renju Unit jikkonkludi Brexit fil-31 ta’ Ottubru, ‘bi ftehim jew mingħajru’.

Il-pożizzjoni riġida ta’ Johnson qed iżżid l-inċertezza dwar kif jistgħu jiżvolġu l-affarijiet meta r-Renju Unit għaddej minn perjodu ta’ inċertezza rari. Boris Johnson, fl-aħħar jiem, tilef il-maġġoranza tal-Konservattivi fil-Parlament, waqt li keċċa 21 deputati ‘ribelli’ mill-partit tiegħu, minbarra li fallielu tentattiv għal elezzjoni bikrija.

Intant, irriżenja Jo Johnson, ħu l-Prim Ministru, li qal li kien spiċċa f’sitwazzjoni diffiċli minħabba s-sens tal-lealtà lil familtu u s-sens ta’ dover għall-interess nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, Dominic Raab tkellem dwar ‘in-negozjati intensivi attwali fi Brussell’ u qal li l-Gvern Britanniku mhux se jippermetti li xi ħadd ifixkel il-programm tiegħu. Dan fost il-kritika għall-Gvern ta’ Johnson minħabba l-istrateġija tiegħu dwar Brexit li wħud qed iqisuha ‘riġida u inflessibbli’.

Kemm Raab u Sajid Javid anki kontradew lill-uffiċjali tal-UE li qalu li r-Renju Unit għad irid iressaq suġġerimenti ġodda għall-bidliet fil-ftehim dwar Brexit li l-eks Prim Ministru Britanniku,  Theresa May, kienet qablet dwaru, flimkien mal-mexxejja tal-Unjoni.

Javid, intant, qal li Boris Johnson, fis-17 ta’ Ottubru, se jattendi għas-summit tal-UE biex jipprova jiffinalizza ftehim ġdid u meta ‘il-Prim Ministru (waqt il-laqgħa) mhux se jitlob estensjoni għal Brexit’.