Internazzjonali Unjoni Ewropea

Riżenja oħra f’ġimgħa mqanqla għal Boris Johnson

Riżenja oħra għall-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson. Din id-darba minn Amber Rudd, li rriżenjat kemm minn Ministru tax-Xogħol u l-Pensjonijiet kif ukoll mill-Grupp Parlamentari tal-Konservattivi fil-House of Commons.

Fl-ittra tar-riżenja tagħha, Rudd qalet li ma tistax tibqa’ siekta u ċassa hekk kif Konservattivi moderati u leali jitkeċċew mill-partit. Hi ddeskriviet it-tkeċċija ta’ 21 Deputat Konservattiv bħala attakk fuq id-diċenza u d-demokrazija.

Raġuni oħra li tat Amber Rudd għar-riżenja tagħha hi li ma baqgħetx temmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bi ftehim hi l-mira ewlenija tal-Gvern ta’ Johnson.

Iżda kelliem għall-Gvern qal li dawn ir-riżenji biex jattiraw l-attenzjoni u l-‘headlines’ m’huma se jbiddlu xejn mill-fatt li n-nies iridu Brexit, jiġri x’jiġri.

Din ir-riżenja hi daqqa ta’ ħarta oħra fi tmiem ġimgħa diffiċli għall-Prim Ministru Johnson hekk kif id-Deputati fil-House of Commons ħadu f’idejhom il-kontroll tal-aġenda Parlamentari, ivvutaw liġi li tipprojbixi Brexit mingħajr ftehim u waqqfu tentattiv tal-Prim Ministru li jkun hemm elezzjoni bikrija fil-15 ta’ Ottubru.

Fost il-mewġa ta’ riżenji u tkeċċijiet f’dawn l-aħħar jiem, tispikka dik ta’ Jo Johnson, ħu l-Prim Ministru Boris Johnson.