“Il-Gvern Laburista mhux talli ħammeġ lil pajjiżna fiżikament … iżda ħammeġ ukoll ir-reputazzjoni tal-Maltin.”
Kien dan kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia fid-diskors tiegħu waqt riceviment li sar fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema.
Adrian Delia fakkar li Malta mhux talli ġiet l-ewwel fost il-pajjiżi Ewropew li għandhom l-għola persentaġġ ta’ ħmieġ fl-arja, iżda l-Gvern qed idawwar wiċċu u ma jgħatix każ il-problema li iktar ma jmur iktar qed tiżdied.
Hu kompla jgħid li hekk kif l-iżvilupp bla rażan f’pajjiżna dejjem qed jiżdied, il-kwalità ta’ ħajja f’pajjiżna qed teħżien bl-istess rata mgħaġġla. U dan mhu qed iwassal għal xejn ħlief mard fost diversi persuni.
Sitwazzjoni oħra inkwetanti hi dik tal-kriminalità li minkejja li l-Gvern jgħid li “rnexxielu” jrażżanha, ir-realtà turi mod ieħor hekk kif dan mhux minnu.
Delia saħaq li dan kollu ma jistax jibqa’ sejjer hekk u b’hekk hemm bżonn li jsir xi ħaġa biex il-Maltin u l-Għawdxin jgħixu moħħhom mistrieh minflok jinkwetaw fuq is-sigurtà tagħhom.
Bla dubju ta’ xejn, wieħed ma jistax jinsa l-fatt li l-Gvern mhu jagħmel xejn għal poplu Malti għajr għalih innifsu. U dan jidher ċar fejn tidħol il-problema tat-traffiku.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar lil dawk preżenti li l-Gvern kulma qed jagħmel iwessa t-toroq, liema pass mhux se tkun qed isolvi xejn hekk kif l-ammont taż-żieda ta’ karozzi f’pajjiżna qiegħed biss jiżdied.
Fid-dawl ta’ dan, Adrian Delia wiegħed li f’isem il-Partit Nazzjonalista hu se jkun qed jaħdem permezz ta’ diversi proposti favur il-Maltin u l-Għawdxin biex jirranġa l-affarijiet li qed jinkwetaw lin-nies.
Għal dan ir-riċeviment kien hemm preżenti wkoll l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, fost diversi deputati oħra tal-Partit.
//= $special ?>
