Futbol Sport

Tlifna iżda ħriġna b’rasna mgħollija

(Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)
Cosmin Contra jibqa’ bix-xewqa… ma tasalx ir-rebħa b’ħafna gowls

Christian Micallef jirrapporta min Oslo, bil-kollaborazzjoni ta’ Paparazzi, JetFreight Limited u Lanutti kif ukoll Konica Minolta Office Group Malta

Rumanija 1 | Ciprian Tătărușanu, Adrian Rus, Vlad Chiricheș (captain), Alexandru Chipciu, George Puşcaş (76 min Claudiu Keseru), Ianis Hagi (71 min Gheorghe Grozav), Razvan Marin (59 min Nicolae Stanciu), Mihai Bordeianu, Florin-Bogdan Stefan, Alexandru Cicâldău, Florin Andone

Malta 0 | Henry Bonello, Steve Borg, Andrei Agius (captain), Joseph Mbong, Jean Paul Farrugia, Kyrian Nwoko (71 min Alfred Effiong), Rowen Muscat, Dunstan Vella (86 min Jake Grech), Juan Corbolan, Luke Gambin (81 min Joseph Zerafa), Zach Muscat

Imwissija | 41 min Henry Bonello (M)

Skorjaw | 46 min George Puscas (R)

Referee | Duje Strukan (Kroazja)

Tlifna iżda ħassejtni kburi li jien Malti u fit-tmiem tad-90 minuta ċapċapt lill-plejers tagħna għall-prestazzjoni qalbiena li huma taw fi stadium li kontinwament kellu għajta waħda favur l-avversarji tagħna.

Kontra r-Rumeni, il-Maltin kibru u veru każ li meta nilagħbu żewġ partiti fuq xulxin f’dan il-livell, it-tieni partita tkun aħjar għall-plejers tagħna. Tattikament konna ddixiplinati u lagħbna għal xulxin. Ma ddejaqnix nilagħbu l-ballun u kellna aktar pussess f’saqajna kontra avversarji bil-wisq differenti minn dawk Nordiċi.

Il-gowl waħdieni li bih tlifna l-partita, stajna faċilment evitajnih iżda wara kulħadd bravu. Il-fatt hu, u dan ma jista’ jmerih ħadd, li jekk Cosmin Contra ħaseb li se jagħti goleada lil Malta fi Ploiesti, il-gowls li ħolom bihom baqgħu ma waslux u għandu jħossu diżappuntat b’dak li qed jikseb it-tim taħt it-tmexxija tiegħu. Mhux ta’ b’xejn il-pressjoni fuq Contra qed tikber u mhux tonqos.

Il-Maltin lagħbu bħala tim u diffiċli tislet l-aħjar plejer fil-ġurnata għaliex nemmen li l-kolletiv kien l-aqwa plejer tagħna f’din il-partita. Madankollu bilfors irid insemmi lil Henry Bonello li reġa’ kien formidabbli bejn il-lasti ta’ Malta, b’saves importanti partikolarment fl-ewwel taqsima tal-partita.

Mill-bqija kull plejer kellu sehem importanti, kieku żgur ma konniex niksbu dan ir-riżultat kontra avversarji li qabel il-partita bdew jitkellmu fuq rebħa b’ħafna gowls.

Mill-partita ta’ tlett ijiem qabel kontra n-Norveġja, Ray Farrugia wettaq żewġ bidliet fil-formazzjoni tal-ewwel ħdax. Luke Gambin u Jean Paul Farrugia ħadu post Paul Fenech u Jake Grech rispettivament, filwaqt li d-difensur ċentrali Zach Muscat laħaq irkupra fil-ħin wara li fil-partita preċedenti lagħab biss kwarta logħob wara li sofra daqqa f’siequ f’daħla sfortunata ma’ Henry Bonello.

Minn naħa l-oħra, l-eks plejer ta’ Milan u Atletico Madrid fost oħrajn, illum kowċ tar-Rumanija, Cosmin Contra biddel xejn inqas minn tmien plejers mill-formazzjoni li beda’ biha fil-partita ta’ nhar il-Ħamis li għadda kontra Spanja u li fiha r-Rumeni tilfu 2-1 f’Bucharest. Qabel din il-logħba, Contra u l-plejers tiegħu kienu ilhom kważi sitt xhur ma jirbħu f’darhom stess.

Mal-għaxar minuta logħob l-avversarji tagħna ħolqu l-ewwel periklu meta Florin Andone ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Bonello iżda l-gowlkiper ta’ 30 sena ħareġ jagħlaq tajjeb fuq l-attakkant ta’ Galatasaray qabel mad-difiża Maltija begħdet il-periklu.

Minuta wara, Razvan Marin xeħet il-ballun fix-xibka tal-Maltin, iżda l-pożizzjoni tiegħu kienet iġġudikata bħala rregolari għalhekk l-assistant referee, li kien viċin l-azzjoni, kien pront sabiex jiġbed l-attenzjoni tar-referee Kroat, Duje Strukan li ħassar il-gowl.

Żewġ minuti wara, ir-Rumeni komplew iżidu d-doża tagħhom fl-attakk. Pass fit-tul li qabeż lid-difiża Maltija, Andone reġa’ ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Bonello li b’siequ tal-lemin irnexxielu jdawwar il-ballun għal korner f’dik li setgħet faċilment kienet l-azzjoni li tiftaħ l-iskor f’din il-partita.

Fil-21 minuta, Bonello reġa’ kien deċiżiv meta xutt minn barra l-kaxxa tal-midfielder ta’ Ajax, Marin kien salvat tajjeb. Sitt minuti wara u Bonello reġa’ kien brillanti meta salva b’mod spettakolari fuq konklużjoni ta’ Ianis Hagi. Mill-azzjoni tal-attakkant ta’ Reading fl-Ingilterra, George Puscas ma laqatx bir-ras meta kien f’pożizzjoni tajba li seta’ jiskorja.

Għal dawn iċ-ċansijiet kollha mitlufa mir-Rumeni, il-Maltin għal ftit ma ġiegħlux lill-avversarji biex iħallsu prezz qares meta fi spazju ta’ ftit sekondi kellna żewġ opportunitajiet ta’ skor li stajna sfruttajna aħjar.

L-ewwel meta Juan Corbolan daħal tajjeb fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu kien imdawwar f’korner mill-gowlkiper Ciprian Tătărușanu u ftit wara Farrugia minn taħt il-lasta xeħet għoli.

Qabel il-mistrieħ Mihai Bordeianu, il-midfielder li jilgħab maċ-champions Rumeni Cluj, prova konklużjoni minn barra l-kaxxa li għaddiet ftit barra.

Minuta mill-bidu tat-tieni taqsima, Malta sofriet gowl bikri li ħasad u probabbilment seta’ biddel il-pjan tattiku diskuss mill-kowċ Farrugia fil-ħin tal-mistrieħ.

Kien korner ta’ Hagi lejn in-nofs, b’PUSCAS jogħla tajjeb bir-ras u jitfa’ fix-xibka għall-gowl tal-1-0. Bla dubju dan kien il-gowl li r-Rumeni kellhom bżonn biex jiżblukkaw is-sitwazzjoni tagħhom fil-pitch u jikbru fil-motivazzjoni u l-logħob tagħhom, hekk kif sa dak il-ħin, it-tattika u l-logħba tal-Maltin kienet qed tifrustahom. Malta konna qed nittamaw li ma nsofrux gowl daqstant kmieni fit-tieni taqsima.

Wara dan il-gowl, il-Maltin baqgħu jilagħbu tajjeb u b’mod kompatt. Anzi bdejna nippruvaw noħorġu bil-ballun u nżommu aktar il-pusses f’saqajna. Mal-kwarta logħob tat-tieni taqsima, Gambin prova konklużjoni minn barra l-kaxxa li waslet biex Tătărușanu dawwar f’korner it-tentattiv tal-Brittaniku b’passaport Malti.

Ir-Rumeni naqqsu drastikament mil-logħob tagħhom, bħal donnu l-gowl li skorjaw kien biżżejjed biex iserrħu rashom mit-tliet punti. Kwarta mit-tmiem tal-partita, is-sostitut Rumen, Nocolae Stanciu kellu xutt minn tiegħu jgħaddi ftit barra, f’dik li kienet waħda mill-azzjonijiet rari tat-tieni 45 minuta.

Żewġ minuti mid-90 minuta, l-istadium fi Ploiesti kesaħ u dan hekk kif Malta skorjat gowl permezz ta’ Jean Paul Farrugia, li iżda kien imħassar għal offside. Tal-anqas l-erba’ ġurnalisti Maltin għajjatna gowl, b’dawk ta’ madwarna iħarsulna bl-ikrah.

Tmiem il-partita ġab l-applaws tar-Rumeni anke lill-Maltin, li fit-tim tagħna fil-ġurnata raw prestazzjoni qalbiena u passjonali. Il-logħba li jmissna hija għax-xahar id-dieħel kontra l-Iżvezja f’pajjiżna.