Lokali

U-turn mis-Sindku tas-Siġġiewi

Is-Sindku tas-Siġġiewi, Kurstein Sant, għamel U-turn minn deċiżjoni li jsir appell għall-ġid tar-residenti fl-inħawi ta’ Ramija, fis-Siġġiewi. L-appell ġie jiswa lill-Kunsill Lokali €1,200 u kien is-Sindku stess bħala rappreżentant legali tal-Kunsill Lokali li approva u aċċetta li jsir dan l-appell.

Il-Kunsill Lokali kien qabel b’mod unanimu li jsir appell għal deċiżjoni tal-Awtoritá tal-Ippjannar, li permezz tagħha kienet se tintilef darba għal dejjem possibilità li tigi emendata parti minn Triq Ramija fis-Siġġiewi, biex isservi għall-immaniġġjar aħjar tat-traffiku. 

Ftit jiem wara imbagħad kien ġie ċċirkolat, lis-Sindku u xi kunsilliera, l-abbozz tal-appell li tħejja mill-avukat tal-Kunsill Lokali. Dakinhar is-Sindku Laburista kien approva li jsir l-appell.

Iżda ftit ġimgħat wara, Kurstein Sant, ippropona li jiġi rtirat l-appell li kien approva u għamel hu stess.  Kien dak il-ħin li l-minority leader Alessia Psaila Zammit insistiet li la t-tema ma kinitx fuq l-aġenda u s-Sindku kien qed jissuġġerixxi bidla fil-pożizzjoni tal-Kunsill, kellha tissejjaħ laqgħa oħra b’din it-tema tkun fuq l-aġenda.

Fil-laqgħa li saret fuq talba ta’ Alessia Psaila Zammit, Kurstein Sant qal li kien għamel żball. Hu ressaq mozzjoni biex jirtira l-appell għax qal li ma kienx ra d-dettalji kollha tal-każ qabel għamel dan l-appell. Kien hawnhekk li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li kienu preżenti għal laqgħa, Alessia Psaila Zammit u Julian Borg qalu li s-Sindku kien aġixxa b’irresponsabbiltà u kellu dover li qabel jagħmel appell kellu jaċċerta li jagħmel deċiżjoni infurmata tajjeb.

Is-Sindk talab vot biex jiġi rtirat l-appell bil-kunsilliera kollha tal-Partit Laburista jagħmlu U-Turn mid-deċiżjoni li ħadu xahrejn ilu biss. Alessia Psaila Zammit qalet li din l-U-turn tas-Sindku Laburista tesponi irresponsabilitá minn naħa tiegħu u nuqqas ta’ governanza tajba li bih diġà beda jitmexxa l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl-ewwel xahrejn biss ta’ tmexxija Laburista. Hi qalet li dak li għamel is-Sindku jikkostitwixxi sparpaljar  ta’ fondi pubbliċi li setgħu  jintużaw għall-ġid tas-Siġġiwin flok għal nuqqasijiet tas-Sindku.