Edukazzjoni Lokali

U-turn oħra tal-Ministru Evarist Bartolo

U-turn oħra mill-Gvern ta’ Joseph Muscat – din id-darba minn Evarist Bartolo. Il-Ministru tal-Edukazzjoni l-ewwel isostni li m’hawnx nuqqas ta’ għalliema iżda f’inqas minn tlett ijiem jgħid li issa se jkollu jdur fuq l-għalliema barranin.

Meta ftit tal-ġranet ilu Evarist Bartolo kien mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar jekk hawnx nuqqas ta’ għalliema fis-settur tal-edukazzjoni… huwa baqa’ jinsisti li m’hawnx nuqqas ta’ għalliema speċifikament fil-Malti u fil-Matematika.

Pressat b’aktar domandi, il-Ministru tal-Edukazzjoni baqa’ jinsisit li mhemmx nuqqas ta’ għalliema.

Iżda meta mistoqsi mill-gazzetta The Malta Independent Evarist Bartolo kkonferma li bħalissa għaddejjin taħdidiet biex jiġu impjegati għalliema barranin. Dan minħabba n-nuqqas kbir ta’ għalliema li ilu jippersiti f’pajjiżna għal dawn l-aħħar snin.

Meta mistoqsi jekk l-għalliema barranin humiex se jiġu impjegati biex tkun indirizzata il-problema ta’ dan in-nuqqas, Bartolo qal li għalliema barranin diġà huma impjegati fl-iskejjel indipendenti u tal-knisja, għalhekk huwa sostna li fejn ikun hemm il-bżonn l-għalliema barranin jistgħu wkoll jiġu impjegati fl-iskejjel statali.

Evarist Bartolo ammetta li qed tkun ta’ sfida kbira biex jiġu attirati aktar żgħażagħ lejn il-professjoni tal-għalliema.

L-MUT ilha xhur sħaħ tinsisti li fl-iskejjel hemm nuqqas kbir u inkwetanti ta’ għalliema u LSEs. Dan hekk kif fi ftit ġranet oħra tibda sena skolastika gdida, li maghha bla dubju ġġib sfidi kbar fuq l-għalliema.

L-MUT tinsisti li biex tibda tiġi indirizzata l-problema, jeħtieġ li jiġu mwettqa il-ħafna proposti li għamlet l-MUT li bħalissa hemm diskussjoni dwarhom li jinkludu fost l-oħrajn bidla fil-korsijiet, titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluz l-aspetti finanzjarji, inċentivi fl-ingaġġ u miżuri ta’ protezzjoni fost l-oħrajn.

L-MUT qatt m’hi ser taċċetta sitwazzjoni fejn proposti tagħha jibqgħu fuq l-ixkaffa u minflok ma tiġi indirizzata l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema Maltin, jinstabu soluzzjonijiet aktar faċli bl-ingaġġ ta’ għalliema barranin. Fl-aħħarnett l-MUT issostni li rċeviet l-ewwel proposta ta’ ingaġġ ta’ barranin madwar tliet snin ilu u dan ma fissirx li din il-miżura daħlet fis-seħħ jew li ser tidħol.