Futbol Sport

Andrè Paus se jirritorna f’pajjiżna bħala kowċ ta’ Birkirkara

Birkirkara ħabbru b’mod uffiċjali li Andrè Paus se jkun il-kowċ tal-klabb b’effett immedjat. Paus se jkun qed jasal f’pajjiżna fil-jiem li ġejjin u għalhekk mistenni li jmexxi lit-tim għall-ewwel darba s-Sibt li ġej fil-konfront importanti kontra Balzan. Wara kampanja akkwisti kbira fis-sajf fejn b’kollox ġew akkwistati 12-il plejer, il-Karkariżi bdew il-kampjonat bl-aktar mod negattiv b’żewġ telfiet ta’ 1-0 kontra Floriana u Senglea Athletic. Dawn it-telfiet wasslu biex John Buttigieg irriżenja mill-kariga.

Għall-kowċ Olandiż ta’ 53 sena, din mhux se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna hekk kif f’Jannar tal-2014 kien inħatar kowċ ta’ Valletta bħala parti minn ftehim li kien għamel il-klabb Belti dak iż-żmien. Flimkien miegħu kien ngħaqdu l-gowlkiper Nukri Revishvili u l-plejers Irakli Maisuradze u Alan da Silva Souza, bit-tim Belti jittrasforma ruħu fejn anki spiċċaw rebħu l-kampjonat fl-aħħar logħba kontra l-istess Birkirkara. Ftit jiem wara huma rebħu wkoll l-FA Trophy f’dik li kienet l-ewwel doppjetta ta’ Valletta wara 13-il sena.