Lokali

Id-demokrazija u l-libertà jeħtieġu ħarsien kontinwu – Adrian Delia

Nerik Mizzi, il-persuna li stinka u ħares lejn Malta bħala Nazzjon. Nerik Mizzi, il-ġgant politiku… il-patrijott li ġie eżiljat minħabba l-prinċipji tiegħu. Il-politiku li ħabb lil pajjiżu u għamel sagrifiċċji politiċi kbar għal pajjiżu. Kien sod f’dak li jemmen u ma kien ibeżżgħu xejn.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta t-Tnejn filgħaxija kien qed jindirizza attivita’ organizzata mill-Fondazzjoni f’ġieħ Fortunato u Nerik Mizzi fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-festi tal-Indipendenza.

Adrian Delia spjega kif il-viżjoni ta’ Fortunato Mizzi, segwita minn dik ta’ ibnu Nerik Mizzi fissret rivoluzzjoni li wasslet għal evoluzzjoni ta’ bidliet soċjali u kulturali importanti ħafna fis-soċjeta’ tagħna.

Fortunato u Nerik Mizzi poġġew il-pedamenti tal-Partit Nazzjonalista li mal-milja tas-snin kien protagonista ewlieni fil-ħolqien ta’ Malta ġdida u demokratika.

Adrian Delia saħaq li huwa importanti  li nħarsu l-legat li ħallewlna Fortunato u Nerik Mizzi iżda li nkomplu bħala Partit ngħixu l-valuri li għaddewlna l-fundaturi tagħna.

Il-Kap tal-PN sosnta li d-demokrazija u l-libertà jeħtieġu ħarsien kontinwu, dan għaliex qed jiġu wkoll imminati minn korruzzjoni istituzzjonalizzata.  Għalhekk huwa importanti li magħqudin flimkien inkomplu naħdmu għall-ġid ta’ pajjizna.

Adrian Delia temm jgħid li għandna obbligu li fit-twettiq tal-ħidma politika tagħna ngħixu kuljum il-valuri u l-prinċipji li xettlu Fortunato u Nerik Mizzi. Dan nagħmluh permezz ta’ Partit Nazzjonalist imġedded u msaħħaħ,

Min-naħa tiegħu Richard Muscat – segretarju tal-Fondazzjoni Fortunato u Nerik Mizzi saħaq li din il-wirja tfakkar parti mill-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Wirja li qed isservi wkoll biex tiġi onorata l-memorja ta’ Fortuanti Mizzi u ta’ ibnu Nerik Mizzi. Matul ħajjithom huma taw servizz ta’ ġenerożita lejn Malta.  

Il-wirja tikkonsisti f’kollezzjoni li tinkludi dokumenti sinifikattivi pjuttost antiki fosthom ittri, oġġetti, memorabilja u rirtatti b’rabta mal-ħajja ta’ Nerik u Fortunato Mizzi.