Futbol Sport

Il-Ġermanja tikseb rebħa importanti u l-Olanda tkompli l-perjodu pożittiv

(Ritratt: EPA)

L-Olanda kompliet il-perjodu pożittiv hekk kif kien mistenni għelbet lill-Estonja 4-0 fi Grupp Ċ. RYAN BABEL fetaħ l-iskor fis-17-il minuta meta daħal tajjeb għall-kross fil-baxx mix-xellug u skorja mill-ewwel b’xutt bil-kaxxa ż-żgħira. L-istess RYAN BABEL irdoppja mal-ftuħ tat-tieni taqsima meta din id-darba rċieva kross mil-lemin u skorja b’daqqa ta’ ras. L-iskor sar 3-0 fis-76 minuta b’xutt fil-baxx ta’ MEMPHIS DEPAY minn tarf il-kaxxa li spiċċa fir-rokna. Kien għad fadal ħin għar-raba’ gowl li wasal  fis-87 minuta bi free-kick mil-lemin ta’ Depay isib lil GEORGINIO WIJNALDUM li skorja b’daqqa ta’ ras ċentrali, f’azzjoni li l-gowlkiper seta’ jagħmel aħjar.

Il-Ġermanja rkuprat mit-telfa fl-aħħar logħba kontra l-Olanda meta tat l-ewwel telfa lill-Irlanda ta’ Fuq b’rebħa ta’ 2-0. Huma fetħu l-iskor fit-48 minuta meta kross mil-lemin għadda tul il-lasta u spiċċa għand MARCEL HALSTENBERG li b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Bailey Peacock-Farrell, bix-xutt jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Huma għalqu l-logħba fit-93 minuta meta s-sostitut Kai Havertz għadda vertikalment lejn SERGE GNABRY li skorja b’xutt minn pożizzjoni angolata.

Minn Grupp I l-Belġju kisbet is-sitt rebħa konsekuttiva u baqgħet b’punti massimi wara rebħa kbira ta’ 4-0 barra pajjiżhom kontra l-Iskozja. ROMELU LUKAKU fetaħ l-iskor wara disa’ minuti meta f’kontrattakk, Dries Mertens tefa’ ballun vertikali lejn Kevin de Bruyne li  avvanza u fetaħ fuq il-lemin lejn l-attakkant li skorja minn qagħda ideali. THOMAS VERMAELEN irdoppja fit-23 minuta meta skorja mill-viċin wara kross mil-lemin. It-tim ta’ Roberto Martinez għamel l-iskor 3-0 b’daqqa ta’ ras għar-rokna ta’ TOBY ALDERWEIRELD minn korner mil-lemin. KEVIN DE BRUYNE ssiġilla r-rebħa fit-82 minuta meta rċieva mingħand Lukaku u skorja b’xutt preċiż għar-rokna.

Mill-istess grupp, rebħa importanti għar-Russja li għelbu lill-Każakistan 1-0 b’daqqa ta’ ras ta’ MARIO FERNANDES fid-89 minuta minn free-kick ta’ Aleksandr Golovin.

Minn Grupp E, il-Kroazja kienet miżmuma 1-1, bl-Ażerbajġan tikseb l-ewwel punt fil-grupp. LUKA MODRIC fetaħ l-iskor minn penalty fil-11-il minuta iżda l-Ażerbajġan ġabet id-draw fit-72 minuta b’azzjoni personali mill-aqwa ta’ TAMKIN KHALILZADE.

Riżultati kollha

Grupp Ċ: Estonja v Olanda 0-4, Irlanda ta’ Fuq v Ġermanja 0-2

Grupp E: Ażerbajġan v Kroazja 1-1, Ungerija v Slovakkja 1-2

Grupp Ġ: Latvja v Maċedonja ta’ Fuq 0-2, Polonja v Awstrija 0-0, Slovenja v Iżrael 3-2

Grupp I: Russja v Każakistan 1-0, San Marino v Ċipru 0-4, Skozja v Belġju 0-4