It-tim tan-nisa tas-Serbja reġa’ rebaħ il-Kampjonat Ewropew wara li għeleb lit-Turkija fil-finali eċċitanti li ntlagħbet f’Ankara quddiem attendenza ta’ 13,000 spettatur. Is-Serbi rebħu 21-25, 25-21, 25-21, 22-25 u 15-13 biex kisbu t-tielet titlu Ewropew.
F’dik li kienet ripetizzjoni tal-logħba tal-grupp, Tijana Boskovic li rebħet l-Aqwa Plejer tat-Tournament, kisbet 23 punt filwaqt li Brankica Mihajlovic żiedet 22 punt. Meryem Boz kienet l-aqwa skorer għat-Turkija b’16-il punt. It-Torok kienu ssieltu fir-raba’ set permezz ta’ seba’ blocks u fis-set deċiżiv, is-Serbja kellha tissielet minn 9-6 minn taħt biex rebħet 15-13. B’hekk it-Turkija kellha tikkuntenta bil-midalja tal-fidda u baqgħu jistennew l-ewwel suċċess mill-2003.
L-Italja spiċċat it-tielet biex kisbet l-ewwel podju fil-EuroVolley mill-2009. It-Taljani kienu deċiżi li jiksbu dan il-post u rebħu 25-23, 25-20 u 26-24. B’hekk huma kisbu s-seba’ midalja fil-EuroVolley, b’deheb fl-2007 u fl-2009, fidda fl-2001 u fl-2005 kif ukoll żewġ midalji tal-bronż oħra fl-1989 u fl-1999.
//= $special ?>

