Sport Sport Ieħor

Nadal jirbaħ finali mill-isbaħ u jikseb id-19-il Grand Slam fil-karriera tiegħu

(Ritratt: EPA)

Rafael Nadal kiseb id-19-il Grand Slam fil-karriera tiegħu wara li għeleb lil Daniil Medvedev, fil-finali li tista’ tkun meqjusa bħala waħda mill-aqwa fl-Open tal-Istati Uniti. Nadal deher li riesaq lejn rebħa faċli meta rebaħ żewġ sets u logħba minn fuq fit-tielet set, sakemm Medvedev irkupra u sforza decider.

Iżda Nadal irnexxielu jirbaħ 7-5, 6-3, 5-7, 4-6, 6-4 f’erba’ sigħat u 50 minuta, erba’ minuti biss anqas mill-itwal finali fl-Open tal-Istati Uniti. B’dan is-suċċess, Nadal issa jinsab Grand Slam bogħod milli jilħaq lil Roger Federer fil-lista ta’ kull żmien.

Wara l-logħba, Nadal qal li l-logħba kienet waħda mill-aktar iljieli emozzjonanti fil-karriera tiegħu. Medvedev feraħ lil Rafael Nadal tad-19-il Grand Slam mirbuħ. Wara li rebaħ il-konfront fit-tielet match point tiegħu, Nadal waqa’ mal-art biċ-ċelebrazzjoni.

Minkejja li kien megħlub, Medvedev irċieva ċapċip kbir minn dawk preżenti, bil-maġġoranza joħolqu atmosfera spettakolari speċjalment malli r-Russu beda jikseb xi punt. Fil-bidu tat-tournament, Medvedev ma kellux l-istess sapport.

Kieku rebaħ, Medvedev kien isir l-ewwel tennist apparti Nadal, Federer u Novak Djokovic li jirbaħ Grand Slam minn meta Stanislav Wawrinka rebaħ l-Open tal-Istati Uniti tliet snin ilu. Nadal li rebaħ dan il-Grand Slam għar-raba’ darba fil-karriera, għandu ċans li jilħaq lil Federer fl-Open tal-Awstralja f’Jannar li ġej.