Lokali Saħħa

Offrut spazju għal proposti fuq il-futur tas-saħħa mentali

“Il-Gvern għandu obbligu li jgħati l-aqwa kura u servizzi għal pazjenti li jbatu mis-saħħa mentali u dan jista’ jsir biss permezz ta’ pjanar fit-tul.”

Iddikajra dan Stephen Spiteri, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa waqt konferenza dwar is-saħħa mentali li saret ġewwa l-Palazz Verdala.

Hu fakkar fi statistika li kienet ippublikata fl-aħħar jiem u li turi li 20% ta’ żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena ibatu minn xi forma ta’ dipressjoni.

Fid-dawl ta’ dan, Stephen Spiteri ħeġġeġ biex jiżdied is-sehem tas-soċjetà hekk kif dan hu kruċjali biex jingħeleb il-mard mentali. Dan filwaqt li żied jgħid dwar l-importanza li problemi ta’ saħħa mentali jinqabdu mill-bidu u tingħata prijorità fl-iskejjel għal prevenzjoni ta’ suwiċidji.

Minn riċerki varji li saru jidher biċ-ċar li li hemm bżonn kura aħjar li għandha tiġi mogħtija lil pazjenti f’pajjiżna.

Stephen Spiteri kompla jisħaq fuq l-importanza li l-Isptar Monte Carmeli jinbena mill-ġdid biex ikun sigur kemm għall-pazjenti u anke għall-ħaddiema hekk kif l-ambjent tal-post jgħin għal fejqan.

Dan hekk kif hu ironiku li għandna riċerka avvanzata u li sfortunatament ma tistax tintuża bl-aħjar mod.

Żied jgħid dwar l-importanza ta’ rijabilitazzjoni hekk kif din twassal għal fejqan aħjar filwaqt li ħeġġeġ għal sapport soċjali, fuq il-post tax-xogħol u tiżdied l-edukazzjoni.

Stephen Spiteri wiegħed li hu se jkun qed jaħdem fil-Parlament f’isem l-Oppożizzjoni mhux biss biex jinnota n-nuqqas tal-Gvern f’dan il-qasam iżda wkoll joffri numri ta’ proposti u suġġerimenti biex jassiguraw li l-pazjenti u qraba tagħhom jingħataw l-aħjar ħajja possibli mingħajr ebda dewmien.

Fid-diskors tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella qal li biex f’pajjiżna jkollna saħħa mentali aħjar hemm bżonn is-sehem sħiħ tas-soċjetà kollha. Tant hu hekk li matul il-konferenza ġie mniedi l-kunċett ta’ saħħa mentali aħjar fis-soċjetà bis-sehem sħiħ tal-istakeholders kollha li jaħdmu f’dan il-qasam.

Preżenti għal din il-konferenza fost oħrajn kien hemm ukoll il-Kelliem għad-Drittijiet Indaqs u taċ-Ċittadin, Claudette Buttigieg u l-Kelliema għall-Anzjanità Attiva, Maria Deguara.