Formula 1 Sport

Rapport fi Franza jgħid li Schumacher ittieħed fi sptar f’Pariġi

Skont il-gazzetta Franċiża Le Parisien, is-seba’ darbiet rebbieħ tal-Formula 1 Michael Schumacher iddaħħal fi sptar f’Pariġi għal trattament sigriet. Schumacher li għalaq 50 sena fit-3 ta’ Jannar li għadda, ilu ma jidher fil-pubbliku minn meta kellu l-aċċident fl-Alpi Franċiżi kważi sitt snin ilu, aċċident li bih b’diversi injuries f’rasu u f’koma għal diversi xhur.

Mingħajr ma żvelaw is-sorsi, Le Parisien qalu li ttieħed fl-isptar Pompidou li jinsab fin-naħa ta’ isfel ta’ Pariġi. Il-gazzetta Franċiża qalet li l-eks champion tad-dinja se jgħaddi minn trattament ibbażat fuq trasfużjoni taċ-ċelloli mill-kirurgu Franċiż Philippe Menasche. F’Jannar li għadda, il-familja tal-Ġermaniż kienet ħarġet stqarrija tgħid li Schumacher jinsab fl-aqwa jdejn possibbli.

Schumacher jibqa’ l-aktar sewwieq ta’ suċċess, b’rekord ta’ 91 rebħa u seba’ titli mondjali tal-Formula 1. L-ewwel żewġ titli waslu ma’ Benetton fl-1994 u fl-1995 qabel il-ħames titli konsekuttivi ma’ Ferrari bejn l-2000 u l-2004.