Lokali Saħħa

Sal-2050 – żieda ta’ 4% ta’ persuni bid-dimensja

Sal-2050, il-persentaġġ ta’ persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja mistenni jiżdied b’erbgħa fil-mija. Dan minħabba li n-nies qed jgħixu iktar mill-passat u b’hekk wieħed jidħol f’riskju ikbar.

Minkejja li pajjiżna huwa l-iżgħar fl-Ewropa, in-numru ta’ anzjani qed jiżdiedu u b’hekk id-dimensja qed tkun sfida ikbar. Skont studju li sar fl-2018, f’pajjiżna nstab li kellna mas-7,000 persuna ibatu mid-dimensja.

Hu fid-dawl ta’ dan li t-Tnejn saret konferenza fejn diversi persuni minn pajjiżi Ewropew u oħrajn ġirien kienu mistedni jattendu biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

L-iskop ewlieni ta’ din il-konferenza kien biex tiżdied ir-riċerka waqt li dawk li jgħixu bid-dimesja jingħataw kull għajnuna possibli għal ħajja aħjar. Dan għax għad m’hemmx riċerka li turi xi jwassal għad-dimensja.

Kien imħeġġeġ b’mod speċjali li tiżdied l-informazzjoni mogħtija lis-soċjetà biex tonqos l-istigma u fuq kollox ikunu nvoluti fil-ħajja ta’ kuljum. Dawk li għandhom id-dimensja huma mħeġġa biex ifittxu l-għajnuna mingħajr ebda biża’.

Ir-rappreżentati tal-pajjiżi li attendew saħqu li hemm bżonn li l-pajjiżi kollha jingħaqdu flimkien biex jiġġiledu din il-kundizzjoni billi l-ewwel ħaġa tingħata prominenza.

Dan biex fl-aħħar mill-aħħar jintlaħaq pjan bejn il-pajjiżi u jiġi implimentat. B’hekk il-pajjiżi flimkien jgħelbu l-ġlieda kontra d-dimensja.

Fost dawk li tkellmu kien hemm Helen Rochford Brennan li kienet ġiet ċertifikata li qed issofri mill-kundizzjoni tal-Alzheimer fl-età ta’ 62 sena.

Minn dak iż-żmien, hi bdiet taħdem biex tqajjem kuxjenza filwaqt li talbet biex jiġu implimentati liġijiet aħjar f’diversi pajjiżi biex persuni bid-dimensja fost oħrajn ikollhom servizzi aħjar u għajnuna mhux biss lilhom iżda wkoll lil qraba tagħhom.

Dan għax qalet li bla dubju din il-kundizzjoni taffetwak kontinwament matul ħajtek. Saħqet li kienet tħossha weħidha, u ħadd ma kien jgħatiha sapport filwaqt li riedet tieħu ħsieb lil familtha. Hi ħeġġet lin-nies li jbatu mid-dimensja biex mhux sempliċiment jieħdu l-pilloli mgħotija lilhom iżda wkoll joħorġu u jagħmlu dak li jħobbu mingħajr ebda mistħija.